“Karl Schembri huwa l-iktar kittieb kuraġġuż tal-ġenerazzjoni tiegħi.”
— Clare Azzopardi
“L-istorja ta’ Karl Schembri hija eżorċiżmu tal-ħażen kif ukoll att ta’ umiltà quddiem l-uġigħ li dal-ħażen ħoloq.”
— Matthew Vella
Il-maħtuf jinsab fl-istess kamra ma’ min ħatfu. Marbut. Diżorjentat. Ma jafx min hu dan ta’ quddiemu u għala ħatfu. Bħalma aħna ma nafux l-istorja tal-maħtuf, li tiżvela ruħha fi proċess ta’ tortura, abbuż u ġustizzja taħt il-baldakkin tal-Knisja Kattolika, fil-qrati tal-Istat u fis-swali oppressivi tal-psikjatrija.
Rumanz ġdid ta’ Karl Schembri li fih il-qarrej isib ruħu mhux biss xhud ewlieni ta’ ħtif xokkanti, imma hu mġiegħel jiddeċiedi hux l-akkużat jew l-akkużatur, fi storja msejsa fuq ġrajjiet devastanti mill-ħajja tal-awtur innifsu.
Karl Schembri
Karl Schembri huwa l-awtur ta’ Il-Manifest tal-Killer, Taħt il-Kappa tax-Xemx, u ta’ poeżiji u kotba għat-tfal, fosthom It-Tifel li Salva d-Dinja. Bħala ġurnalist kien l-ewwel wieħed f’Malta li kixef il-każi ta’ pedofelija klerikali f’istituzzjonijiet tat-tfal fl-2003. Fl-2009 ħalla Malta biex jaħdem u jgħix il-Palestina, u eventwalment il-Ġordan, is-Sirja, l-Iraq, il-Jemen u l-Libanu. Illum jgħix il-Kenja, fejn jaħdem bħala media adviser għar-reġjun tal-Afrika tal-Lvant mal-Kunsill Norveġiż għar-Refuġjati (Norwegian Refugee Council). Huwa wkoll attiv fid-difiża tal-libertà tal-espressjoni bħala membru fl-eżekuttiv ta’ PEN Malta, u jipproduċi l-podcast Antenni Suspettużi.
(ritratt: Gilbert Calleja)Ara aktar
“Karl Schembri huwa l-iktar kittieb kuraġġuż tal-ġenerazzjoni tiegħi.” — Clare Azzopardi
“Rari ħafna l-kuraġġ ta’ min jiskontra mal-istorja tal-weġgħat li jġorr tul ħajtu, li jiftaħ beraħ dwar sigrieti u beżgħat intimi tan-nies li tawna l-ħajja: ommna u missierna. L-istorja ta’ Karl Schembri, anke jekk marbuta biż-żigarella ta’ rakkont eċitanti ta’ ħtif, vendetta u retribuzzjoni, hija eżorċiżmu tal-ħażen kif ukoll att ta’ umiltà quddiem l-uġigħ li dal-ħażen ħoloq.” — Matthew Vella
“Dan rumanz ikessħek. U meta tasal f’tarf l-isqaq, fejn il-ġrajjiet ma jinfdux, jibqa’ biss is-sħana fietla tal-kelma u d-dehxa xxoqq il-għadam tat-tradiment.” — Adrian Grima
“Dal-ktieb imnalla qrajtu imma aħjar ma qrajtu qatt. Hekk għexthom dal-paġni, f’did-dikotomija kontinwa bejn l-aptit li nkun naf aktar u d-diżgust li jaqtagħli l-aptit kollu — bejn il-bżonn li nkun naf il-verità u x-xewqa li ngħix fl-hena tal-injoranza. Kien hemm mumenti meta ma flaħtx naqra aktar, qarrast wiċċi u għalaqt il-ktieb, imbagħad kont inħares għal ftit sekondi lejn il-qoxra u lejn sebgħi għadu mdaħħal feles fil-paġna fejn kont wasalt, u ma nissaportix. Nerġa’ niftaħ u nkompli. Karl għandu dil-kapaċità straordinarja li jiskomodak bil-verità mingħajr ma jimbuttak minnha.” — Mark Lawrence Zammit
“Kelli nitla’ nieħu nifs wara kull ftit paġni għax bdejt negħreq meta bdejt nieżel fit-tbatija li Schembri u familtu għaddew minnha, u l-ossiġnu ma bediex jasalli f’moħħi. Il-proċess katartiku tal-ktieb naħseb jagħtina lemħa ta’ kemm il-feriti jistgħu jitfejqu, imma l-ġerħa tibqa’ tidher, imqabbża u turi l-isfrakass li kellu jgħaddi minnu.” — Andrew Azzopardi
“Dan il-ktieb jirrappreżenta mument ewlieni fl-istorja tal-letteratura tagħna … Se jibdel l-istorja tal-letteratura tagħna.
“Il-ktieb huwa eċċellenti, mhux minħabba l-ħajja drammatika ta’ min kitbu, imma għax in-narrattiva li jagħtina hija tal-ogħla kwalità, miktuba bl-aqwa ħila. Huwa eċċellenti għax ma jibżax jisfida dak li hu aċċettabbli fi ktieb. Huwa eċċellenti għax, mhux ibexxaq tieqa imma jiftaħha beraħ fuq it-tabujiet li s-soċjetà tagħna għadha sal-lum titkellem dwarhom. Huwa eċċellenti għax għandu ħakma eċċellenti tat-trawma u l-emozzjonijiet, għax miktub tajjeb ħafna, għax ir-ritmu tan-narrattiva huwa perfett” — Daniel Cossai, reċensjoni fl-ILLUM: Il-mument li waqafna nibżgħu
“F’soċjetà li għadha qed tiffaċċja mistoqsijiet dwar ir-responsabbiltà istituzzjonali u d-dellijiet tqal li jħallu l-abbużi, ir-rumanz ta’ Schembri jidwi b’urġenza li ma tistax tiġi injorata.” — In-Nazzjon: Meta s-skiet isir kompliċità
“Kitba giljottina … għodda xafra tat-tħaffir li tweġġa’ bl-irqaqat u d-dettalji li moħħ matur ma jiflaħhomx … Dan il-ktieb huwa ħafna iktar minn sempliċiment rakkont ta’ vittma fuq karta saħħara. Il-karta saħħara forsi mhi xejn ħlief aħna, u t-tħażżiż tal-biża’ fuqha huwa kollu tagħna.” — Walid Nabhan
“This is an indictment, from an artist who has come back from the brink … Schembri inescapably created his own form of literary torture device that the reader must endure from page one to the last.”
— The Maltese Reader