“Hawn għandna dokument esplussiv” – Mario Azzopardi
“Jaħraq wisq għall-Università” – Illum
Iċċensurat mir-radju tal-Università, ir-rumanz kult anarkiku, “dokument esplussiv”, ta’ Karl Schembri f’din l-edizzjoni ġdida għall-ewwel darba mal-Merlin
Min hu l-attivist anonimu magħruf bħala “il-Killer” li qed jhedded l-istabbiltà tal-pajjiż bil-messaġġi sovversivi tiegħu fuq l-internet? U min mexa fuq l-istruzzjonijiet tal-Killer u ħarrab tigra miċ-ċirku? Il-pulizija qed jinvestigaw, imma l-Kummissarju nnifsu għandu l-ħmieġ taħt abtu, biex ma ngħidu xejn għall-Prim Imħallef.
U l-klikka tal-istudenti anarkiċi mhumiex neqsin mill-ideat biex iwettqu l-kolp li jmiss u jkomplu jħawdu kollox u ’l kulħadd, inkluż il-pjan li jaħtfu l-Eurovision. U l-watchman tas-Sixth Form fiex jidħol? Dak bilfors involut b’xi mod biex ħalla l-ħitan tal-iskola jsiru t-tila għall-graffiti oxxeni tal-Killer.
Karl Schembri
Karl Schembri huwa l-awtur ta’ rumanzi, novelli u poeżiji bil-Malti u bl-Ingliż. Xogħlijiet tiegħu ġew tradotti u ppubblikati bl-Għarbi, l-Ispanjol, il-Franċiż u r-Rumen. Ex-ġurnalist, qatta’ erba’ snin fl-Istrixxa ta’ Gaża, l-ewwel jaħdem ma’ aġenzija tal-aħbarijiet Palestinjana u mbagħad bħala uffiċjal tal-midja mal-Oxfam. Preżentement jgħix f’Amman, il-Ġordan, ma’ martu Simine, mal-qtates Mario u Munzer, u mal-kelb Mitti. Jaħdem bħala konsulent tal-midja għal-Lvant Nofsani mal-Kunsill Norveġiż għar-Rifuġjati, xogħol li jieħdu f’uħud mill-aktar postijiet ta’ kunflitt mixgħul fosthom is-Sirja, il-Jemen, il-Palestina, l-Iraq u l-Libanu.
(ritratt: Simine Alam)Ara aktar
“Nemmen illi Il-Manifest tal-Killer beda jimbotta l-affarijiet u jgħin jikxef il-fusien tal-poter fejn kienu joqomsu l-elementi reazzjonarji.
“Mill-Homo Sapiens imxejna għall-Homo Selfie – il-bniedem li r-relevanza kollha ta’ ħajtu tinġabar f’li jieħu ritratt tiegħu nnifsu fil-latrina jew fuq il-Kilimanjaro, mal-Papa jew mal-ħabiba, fuq xi missjoni ma’ tifel Afrikan ħdejn bir jew mal-banda tar-raħal fil-festa ta’ xi qaddis tal-kartapesta. L-isfond u l-kuntest ma jfissru xejn – li jimporta huwa d-diffużjoni tal-immaġni tiegħu nnifsu u r-rikonoxximent istantanju bil-likes u x-shares ta’ nies irrelevanti oħra daqsu li fl-aħħar mill-aħħar iservu biss biex tinġabar iżjed informazzjoni kummerċjali, sabiex insiru konsumaturi aħjar.”
— Karl Schembri intervistat minn Kevin Saliba għall-ILLUM: Il-Manifest tal-Killer: Daqs ħmistax-il sena wara