Biex issir awtur Merlin

Grazzi talli qed tikkunsidra lill-Merlin Publishers bħala dar għall-manuskritt tiegħek. Għandna tim iddedikat biex isegwi l-lista ta’ kittieba kreattivi u immaġinattivi li jippubblikaw magħna.

Meta naċċettaw manuskritt għall-pubblikazzjoni, it-tim tagħna jibda jaħdem miegħek biex il-prodott finali jkun wieħed tal-ogħla livell: naħdmu miegħek biex neditjaw il-manuskritt, nieħdu ħsieb il-qari tal-provi, id-disinn u l-produzzjoni.

Flimkien, nissapportjawk bħala kittieb, nippromwovu x-xogħol tiegħek mal-qarrejja fil-media soċjali u tradizzjonali, inħejju kampanja ta’ promozzjoni effettiva fil-ħwienet tal-kotba ewlenin u online, nagħtu l-aqwa viżibbiltà lill-ktieb tiegħek — u ngħinuk tibni preżenza fis-suq letterarju.

Għaliex għandek tippubblika mal-Merlin Publishers?

Bħala awtur Merlin, tibbenefika minn:

  • dar ta’ pubblikazzjoni ewlenija b’reputazzjoni tmur lura deċenni
  • servizz ta’ coaching fl-iżvilupp u kitba, u professjonalità u għarfien tad-dinja tal-pubblikazzjoni
  • editjar professjonali
  • eċċellenza fit-tfassil u l-iżvilupp tax-xogħol
  • esperjenza fl-innovazzjoni, dejjem
  • aċċess għall-ħwienet tal-kotba kollha, u lil hinn

Preżentement naċċettaw anke manuskritti mibgħuta mingħajr talba min-naħa tagħna. Rakkomandazzjoni mingħand awturi ippubblikat taf tagħti iżjed saħħa lill-applikazzjoni tiegħek.

Qabel tissottometti l-manuskritt tiegħek, jekk jogħġbok ikkunsidra attentament dawn il-punti:

  • Preżentement qed naċċettaw biss manuskritti bil-Malti.
  • Filwaqt li nikkunsidraw kull ġeneru, il-linji primarji ta’ pubblikazzjoni tagħna huma l-proża fittizja u l-kotba edukattivi.
  • Iffamiljarizzajt ruħek mal-lista tagħna, u inti ċert li l-manuskritt tiegħek jgħodd għalina? Ħu l-ħin tiegħek biex iddur il-lista ta’ kotba Merlin.
  • Inti lest biex tikkollabora attivament magħna fil-promozzjoni tal-ktieb tiegħek, u biex taħdem ma’ diversi nies fl-industrija tal-kotba biex tgħinna nagħmlu suċċess mill-ktieb tiegħek? Lest tagħmel sessjonijiet ta’ qari fil-pubbliku, tagħti intervisti fejn meħtieġ u tgħin b’affarijiet bħal iffirmar ta’ kotba u attivitajiet simili? Taħseb li jkollok il-ħin biex tgħin tippromwovi xogħlok wara li jiġi ppubblikat?
Raġunijiet għala ġieli jkollna ngħidu le

Jekk il-manuskritt tiegħek ma jiġix aċċettat għall-pubblikazzjoni, dan mhux neċessarjament jirrifletti ħażin fuq il-kitba. Jaf ikun ġudizzju bbażat fuq dak li jgħodd għal, u li jaħdem mal-lista tagħna. L-aktar raġunijiet komuni għalfejn ikollna nirrifjutaw xogħol ġdid huma:

  • Jiddispjaċina – Kultant ktieb jaf ma jaħdimx ġol-lista tagħna u fid-direzzjoni li nkunu qed inkabbruha, jew ma jkunx it-tip ta’ ġeneru li għandna l-esperjenza u għarfien nippromwovu u nbigħu. Jekk ma nħossux li aħna l-aħjar dar għax-xogħol tiegħek, ngħidulek.
  • Oops! – Ġieli diġà jkollna xi kotba fil-lista tagħna li jkunu wisq simili għal dak li qed tissottometti.
  • Err … – Xi manuskritti jafu jkunu tant “tal-mument” u “tal-moda” li fil-fehma tagħna jkollhom ħajja qasira żżejjed. Id-daqs tas-suq Malti jġiegħelna niddeċiedu li għalina sfortunatament, tali kotba jistgħu ma jkunux prattikabbli.
Kif tissottometti l-manuskritt tiegħek

Uża l-Formola għas-Sottomissjonijiet tal-Manuskritti. Jekk jogħġbok, ara li timla d-dettalji kollha mitluba.

Kull sottomissjoni tirċievi tweġiba, iżda taf tieħu ftit xhur sa ma l-materjal kollu jiġi evalwat. Grazzi tal-paċenzja!