1963

Kollox beda meta Marie u Domenic Gruppetta xtraw biċċa art fi Triq Mountbatten, il-Blata l-Bajda, maġenb żewġ skejjel kbar, biex jibdew negozju minnha.

Bnew u fetħu ħanut tal-kotba u stationery – minn dejjem il-ħolma ta’ Marie. Ħajjitha kollha kienet tħobb il-kotba, il-ħin kollu taqra, u ħajjitha kienu Shakespeare, Wordsworth u Keats. Il-ħanut isemmuh Merlin, kemm għax Domenic kien jagħmel ix-shows tal-maġija, kif ukoll għax binhom il-kbir kien jismu Arthur, mil-leġġenda ta’ Camelot.

1963

1964

L-1 t’Ottubru. Merlin Library, immexxi minn Marie, jiftaħ għan-negozju.

1964

1965

Hija mill-ewwel tagħti lill-ħanut l-impronta speċjali u personali tagħha, mnejn ħarġet l-imħabba għall-qari li għadha tifforma l-qafas tal-kumpannija sal-lum.
Marie eventwalment tirtira mix-xogħol fl-1970.

1965

1966

Il-Merlin jibda jissupplixxi l-iskejjel primarji u sekondarji bil-kotba tal-iskola, u llum – deċenni wara – għadu l-akbar fornitur ta’ kotba edukattivi fil-pajjiż.

Ftit wara, il-Merlin jespandi lil hinn mill-ħanut tal-Blata l-Bajda u jibda jqassam il-kotba lil ħwienet oħra ma’ Malta kollha.

1966

1967

Arthur, li issa kien qed imexxi n-negozju, jiskopri l-Ladybird Books waqt vjaġġ l-Ingilterra u jibda jdaħħalhom Malta.

Mill-ewwel isiru popolari immens ma’ tfal u ġenituri. Ladybird Books isiru l-ewwel pubblikatur Ingliż irrappreżentati f’Malta mill-Merlin. Isegwu ħafna pubblikaturi Ingliżi oħra kbar u żgħar, fosthom Penguin Books, Collins Dictionaries, Hodder Children’s Books, Egmont, Usborne u oħrajn.

1967

1971

Il-Merlin jippubblika l-ewwel ktieb fl-istorja tiegħu, Fra Mudest ta’ Charles Casha. Dan il-ktieb illum ikoniku għadu ħaj deċennji wara, u tul is-snin ħarġu diversi sequels tiegħu kif ukoll ristampi ta’ kull wieħed.

1971

1972

Il-Merlin jippubblika L-Għar tax-Xelter ta’ Trevor Żahra. Minn hawn nibtet kollaborazzjoni storika li għadha għaddejja sal-lum u li għamlet lill-pubblikatur u ’l-awtur sinonimi ma’ xulxin.

1972

1972

Il-Merlin jixtru d-drittijiet għall-edizzjoni bl-ilsien Malti tal-Ladybird Books, u hekk tibda kollaborazzjoni tul is-snin li permezz tagħha s-sensiela Ladybird tiġi tradotta għall-Malti u t-tfal Maltin ikollhom dawn il-klassiċi anki fl-ilsien tagħhom.

1972

1990

Il-ħanut tal-kotba jingħata dehra kompletament ġdida, bil-faċċata oramai sinonima mal-Merlin li għadha hemm sal-lum.

1990

2000

Tiġi ppubblikata l-ewwel edizzjoni ta’ Id-Dizzjunarju Malti ta’ Mario Serracino-Inglott, l-ewwel dizzjunarju Malti monolingwi f’volum wieħed. Id-Dizzjunarju jsir bestseller u tul is-snin isir punt ta’ riferiment għal kull min iħaddem il-Malti fil-ħajja ta’ kuljum.

2000

2000

Il-Merlin jerġa’ jespandi l-ħanut, did-darba għal wieħed fuq tliet sulari: l-ewwel tat-tip tiegħu f’Malta.

2000

2004

Il-Merlin jibdew tradizzjoni ġdida: għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna, awtur barrani tal-kotba għat-tfal jinġieb Malta biex jiltaqa’ mat-tfal. L-ewwel awtriċi f’din is-sensiela hi Lynne Reid Banks, l-awtriċi ta’ The Indian in the Cupboard fost l-oħrajn.

Isegwu, tul is-snin, sensiela ta’ żjarat Malta ta’ awturi ta’ kotba għat-tfal. Dawn iż-żjarat jiksbu suċċess kbir, b’kull attività ssir fi swali ppakkjati, u fost l-awturi li nġiebu Malta mill-Merlin kien hemm Rick Riordan tas-sensiela Percy Jackson, Annie Dalton, Vivian French, Deborah Abela u Jeremy Strong.

2004

2006

Il-Merlin iniedi fergħa ġdida ta’ pubblikazzjoni: għall-ewwel darba jmur lil hinn mil-letteratura għat-tfal u jibda jippubblika għad ċkejken u selettiv ta’ wħud mill-aqwa xogħlijiet letterarji għall-adulti.

Il-ktieb li jinawgura din il-fergħa huwa Il-Linja l-Ħadra ta’ Clare Azzopardi, li s-sena ta’ wara jirbaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb.

2006

2007

Il-Merlin jippubblika Sqaq l-Infern ta’ Simon Bartolo u Loranne Vella, l-ewwel volum fit-triloġija tal-Fiddien. Dan il-ktieb jikser kull rekord lokali biex isir l-aktar ktieb għat-tfal li qatt biegħ kopji fi żmien qasir fl-istorja tal-ktieb Malti. Il-pubblikazzjoni tat-tieni u t-tielet ktieb fit-triloġija tintlaqa’ minn entużjażmu kbir, stennija u bejgħ rekord.

2007

2007

Merlin Publishers jiġu magħżula bħala l-International Young Publisher of the Year għal Malta mill-British Council

2007

2008

Il-Merlin jippubblika l-ktieb “imqareb” ta’ Trevor Żahra: Il-Ħajja Sigrieta tan-Nanna Ġenoveffa. Dan ir-rumanz mill-ewwel jikseb popolarità enormi u sal-lum – b’disa’ ristampi u bejgħ ma jbattix – huwa l-akbar suċċess kummerċjali għall-adulti li qatt ippubblika l-Merlin. Dan ir-rumanz ġie ppubblikat ukoll in-Norveġja, Franza, ir-Russja u l-Albanija.

2008

2009

Il-Merlin jiċċelebra l-45 anniversarju bil-pubblikazzjoni ta’ 45 (rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2010), antoloġija unika li tiċċelebra l-passat, il-present u l-futur tal-kittieba Merlin bi stejjer miktuba apposta għall-okkażjoni, u b’kull storja tinkludi ġo fiha n-numru ‘45’.

2009

2009

Il-Merlin isir l-ewwel ħanut tal-kotba f’Malta li jintroduċi sistema online ta’ xiri ta’ kotba tal-iskola, b’konsenja għal kull lokalità Malta u Għawdex.

2009

2011

Il-kumpannija tibdel isimha għal Merlin Publishers Ltd biex tirrifletti l-bidla strutturali fejn bdiet tiffoka esklussivament fuq il-pubblikazzjoni.

2011

2011

Il-Merlin jesibixxi l-kotba tiegħu fil-Bologna Children’s Book Fair, u b’hekk isir l-ewwel pubblikatur Malti li esibixxa fit-tliet l-akbar fieri tal-kotba internazzjonali: Bologna, Frankfurt u Londra.

2011

2013

Il-Merlin jorganizza l-ewwel edizzjoni tal-kompetizzjoni letterarja #abbozz.

Manuskritti u disinji tal-qoxra sottomessi għall-kompetizzjoni ġew miflija u magħżula minn ġurija esperta kif ukoll mill-udjenza preżenti fis-serata finali. L-awtur u d-disinjatur rebbieħa kull wieħed rebaħ kuntratt ta’ pubblikazzjoni mal-Merlin. Ir-rebbieħ tal-ewwel edizzjoni hu Mark Vella bir-rumanz X’Seta’ Ġralu lil Kevin Cacciattolo?

2013

2014

L-awtur Merlin Pierre J. Mejlak jirbaħ il-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura b’Dak li l-Lejl Iħallik Tgħid, eventwalment ippubblikat ukoll bl-Ingliż (Having Said Goodnight). Mejlak huwa t-tieni awtur Malti li qatt rebaħ dan il-premju Ewropew prestiġġjuż.

Il-ktieb rebbieħ ta’ Mejlak imbagħad ġie ppubblikat fin-Norveġja, l-Italja, l-Albanija, il-Bulgarija, il-Maċedonja, is-Serbja u t-Turkija.

2014

2014

Il-Merlin idaħħal Malta l-karattru Lupu Lupettu, l-inkarnazzjoni Maltija tal-karattru Franċiż bestseller mad-dinja kollha Le Loup (Auzou Editions). It-traduzzjoni għall-Malti hi ta’ Clare Azzopardi.

L-ewwel ktieb bil-Malti ppubblikat f’din is-sensiela, li tul is-snin kibret biex tinkludi livelli ta’ qari differenti, kotba għal tfal ikbar u iżgħar, kif ukoll pupazzi, ħwejjeġ u kaxxi-rigal, kien Lupu Lupettu kull kulur.

2014

2017

Il-Merlin jintroduċi għall-ewwel darba f’Malta l-kotba awdjo bil-Malti għat-tfal.

Permezz tal-fondi mingħand il-Premju tal-President għall-Kreattività, dawn qed jingħataw mingħajr ħlas lil tfal neqsin mid-dawl jew b’impedimenti marbuta mal-qari.

2017

2018

Il-Merlin iżid il-poeżija mal-lista ta’ letteratura kontemporanja, u jinawgura imprint ċkejkna ta’ ġabriet ta’ poeżija, permezz tal-pubblikazzjoni ta’ Framed ta’ Maria Grech Ganado.

2018

2020

L-imxija tal-COVID-19 twaqqaf id-dinja, u l-Merlin jaddatta għal dinja ta’ online-biss billi, fost ħafna inizjattivi, iniedi Xpatapumm!, sensiela ta’ podcasts bil-Malti għat-tfal flimkien mal-awtriċi Clare Azzopardi u ħafna mistednin oħra.

Xpatapumm! isir hit kbir f’pajjiżna, jilħaq il-quċċata tal-klassifika tal-podcasts fuq Spotify Malta u jkun mistenni minn ġimgħa għal oħra mill-istudenti tal-iskejjel primarji Maltin waqt il-klassijiet online tagħhom fil-lockdown.

2020

2020

F’Novembru, waqt l-ewwel Festival Nazzjonali tal-Ktieb li qatt seħħ online, il-Merlin iniedi t-tant mistennija  pjattaforma ebooks. Għall-ewwel darba, kotba Merlin huma disponibbli wkoll bħala ebooks tramite l-app Glassboxx.

2020

2021

Il-Merlin jippubblika l-ewwel żewġ kotba pop-up li qatt saru bil-Malti, b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu. It-traduzzjoni għall-Malti hi ta’ Clare Azzopardi.

2021

2021

L-awtriċi Merlin Lara Calleja tirbaħ il-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura b’Kissirtu Kullimkien, biex b’hekk issir it-tieni awtriċi Merlin li tirbaħ dan il-premju Ewropew.

Il-ktieb l-ieħor Malti shortlisted għall-EUPL huwa Papa Aħmed ta’ Joe Pace — anki dan pubblikazzjoni Merlin.

2021