About the company
Nistgħu ngħinukom tistiednu l-aqwa awturi u illustraturi Maltin l-iskola tagħkom. Hawn issibu, pass pass, kif torganizzaw l-attività mal-awtur/illustratur fl-iskola tagħkom. Għal aktar għajnuna tistgħu tikkuntattjaw lil Daniela fuq [email protected]

Kif tistieden awtur l-iskola tiegħek
- Faċli! Ibgħat email lil [email protected] bid-dettalji tiegħek fejn tista’ tikkuntattjak, flimkien ma’ informazzjoni dwar l-attività li għandek f’moħħok u liema awtur(i) inti interessat/a tistieden.
- Ikkonferma d-data u l-ħin li għandek f’moħħok, biex il-Merlin Publishers ikunu jistgħu jqegħduk f’kuntatt dirett mal-awtur. Iddiskuti mal-awtur, il-format u l-preżentazzjoni tal-attività.
- Agħmel l-ordni għall-kotba li se jkollok bżonn għall-attività (ara taħt).
Qabel l-attività
- Aqra u ddiskuti l-ktieb/kotba tal-awtur mistieden, mal-istudenti, qabel il-jum tal-attività.
- Ara li l-istudenti jfittxu u jsibu dak li jistgħu dwar l-awtur, qabel iż-żjara, biex ikunu ppreparati b’mistoqsijiet — speċjalment jekk l-awtur ikun ippjana sessjoni Q&A mal-istudenti.
Dakinhar tal-attività
- ara li jkun hemm rappreżentant tal-iskola biex jilqa’ lill-awtur meta dan jasal l-iskola, u jwasslu sa fejn se ssir l-attività u biex jgħinu waqt l-iffirmar tal-kotba.
- ara li jkun hemm mejda u siġġu għall-awtur, u tazza ilma!
- ara li ma jkunx hemm xi attività oħra dakinhar stess qrib is-sala fejn l-awtur ikun se jiltaqa’ mal-istudenti, biex ma jkunx hemm interferenzi u storbju.
- ara li l-awtur, jekk ikollu bżonn, ikollu aċċess għal sistema PA.
- organizza overhead projector u laptop bil-lest għall-preżentazzjoni li jista’ jkollu mħejjija l-awtur.
- ara li jkun hemm xi ħadd biex jgħin f’każ li l-awtur ikun ippjana attività mal-istudenti wara l-qari.
- l-istudenti għandhom jiġu mgħallma li awtur jiffirma biss kotba tiegħu jew kotba fejn ikun hemm kitbiet tiegħu, iżda li mhix etika li jintalab jiffirma biċċiet tal-karti jew djarji.
- il-Merlin Publishers jistgħu jarmaw mejda bil-kotba tal-awtur għall-bejgħ dakinhar tal-attività.
Ordna l-kotba
- Inħeġġukom tordnaw biżżejjed kopji bil-quddiem tal-kotba tal-awtur, biex l-istudenti jkunu jistgħu jixtru jekk iridu u dakinhar tal-attività jkollhom iċ-ċans li l-kopja tagħhom tiġi ffirmata mill-awtur.
- Tista’ tordna direttament mingħand il-Merlin Publishers u tingħata skont.
- L-istudenti li se jattendu għall-attività, għandkom jiġu avżati bil-quddiem biex iġibu l-flus magħhom ħalli jekk iridu jixtru kopja ta’ ktieb dakinhar.
- Kotba li jiġu ordnati wara l-jum tal-attività, jistgħu ma jkunux iffirmati mill-awtur.
- Awguri biex ikollkom attività ta’ suċċess!