Ghadu kif ħareġ ir-rumanz il-ġdid ta’ Kirsten Spiteri, Perfettament Imperfetta — rumanz frisk, provokattiv, senswali, inkwetanti. Rumanz li fl-ewwel ftit jiem ġa qajjem kurżità KBIRA u għagħa bil-fomm fost il-ħafna gruppi ta’ qari online. Staqsejna lill-awtur stess għall-ħsibijiet tiegħu li wasslu għal dan il-ktieb:
Wara li ħarġu l-ewwel tliet kotba tiegħi fi żmien qasir, bdejt niġi ttimbrat bħala kittieb tal-fantaxjenza. Din it-tikketta bdejt inħossha tajba u ħażina fl-istess ħin. Minn naħa kont kuntent għax il-qarrejja bdew isiru jafu min jien bħala kittieb. Minn naħa l-oħra, din it-tikketta bdejt inħossha xi ftit issikkata għax kont konvint li kapaċi nagħmel iktar minn hekk.
Xtaqt nesperimenta. Xtaqt niskopri ġeneri oħra, biex nara fejn jien tajjeb u fejn inħossni l-aħjar. Xtaqt insir versatili. U wara sessjoni ta’ qari li kienet saret ġo pub il-Furjana, bejn birra u oħra, iddeċidejt li l-ktieb li jmiss kellu jkun xi ħaġa totalment differenti.
Għamilt madwar tliet xhur naħseb u naħseb u naħseb, imma ma beda ġej xejn. L-ebda idea diċenti. Imbagħad tfaċċa Wade, u qed ngħid “tfaċċa” għax xi kultant inħoss li dan il-karattru ma ħloqtux jien. Inħoss qishu hu ġie għandi, u jien kemm tajtu isem.
Waqt li kont qed nikteb l-istorja fuq dan iż-żagħżugħ ta’ tlettax-il sena, għaddejt xi siltiet lil sħabi, u bdew jistaqsuni mistoqsijiet bħal … Wade inti? … Dan it-tifel inti meta kont żgħir? … u kull darba kelli nispjega li le, dak it-tifel ma kontx jien, u li dak li kont qed nikteb ma kienx awtobijografiku. Imma jkolli nammetti li ma stajtx nevita li fl-istorja ndaħħal opinijonijiet personali tiegħi fuq numru ta’ suġġetti.
Kont influwenzat minn kotba klassiċi bħal Lolita ta’ Nabokov u The Catcher in the Rye ta’ J.D. Salinger, imma anke mill-film Malèna ta’ Giuseppe Tornatore. Nista’ nifhem jekk in-nies jibdew iqabblu lil Wade ma’ Holden Caulfield jew ma’ Renato Amoroso. Fl-istess ħin, naħseb li huma karattri differenti ħafna bi problemi u perspettivi uniċi.
Domt tmintax-il xahar biex iffinalizzajt il-manuskritt li eventwalment bgħatt lil pubblikatur. Issa wasalna hawn. Il-ktieb ħareġ ftit jiem ilu. Għandi kurżità kbira biex nara jekk il-qarrejja hux se jirrelataw miegħu jew le.
Kirsten Spiteri huwa l-awtur tar-rumanz il-ġdid Perfettament Imperfetta, l-ewwel wieħed tiegħu mal-Merlin. Il-ktieb jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba kollha jew anki online – b’pustaġġ lokali b’xejn – minn hawn. Fl-istess ħolqa tista’ wkoll taqra silta mill-ktieb, taħt it-tab “Excerpt”.
ritratt ta’ Engin Akyurt fuq Unsplash