Tfaqqa’ pandemija.
Żewġt iħbieb antiki, ejja nsemmuhom Clare u Chris, jibdew jibagħtu messaġġi lil xulxin fuq WhatsApp b’suġġerimenti ta’ kotba x’jaqraw, sensiliet x’jaraw fuq Netflix, eċċ.
Minħabba li t-tnejn dejjem qishom imġienen, għaddejjin minn ħaġa għall-oħra, flok messaġġi text jirrekordjawhom messaġġi awdjo.
Chris jidħol fid-drawwa li jisma’ l-messaġġi awdjo ta’ Clare fi triqtu lura d-dar mill-uffiċċju. U jwieġeb b’messaġġ ieħor.
Darba waħda, Clare u Chris jgħidu, “Kos, hawn qisna qed nisimgħu podcast personalizzat dwar il-kotba u l-qari u l-paroli u l-istejjer. Għax ma nirrekordjawx xi ħaġa simili għat-tfal Maltin, xej xej inżommulhom ftit kumpanija?”
U hekk twieled il-podcast Xpatapumm!

Logo: Moira Scicluna Zahra
Fi kliem Clare Azzopardi, “Insomma ġennata vera ħelwa. Ġennata għax kollox mid-dar u kollox minn sempliċi mobile. Ħelwa għax l-idea wisq wisq ħelwa, li tagħmel xi ħaġa kompletament għat-tfal, li taf li huma maqfulin id-dar u li se ttihom xi ħaġa minn ġimgħa għal oħra, li ttihom dik l-istennija … bħal meta aħna nistennew puntata ta’ xi film interessanti minn ġimgħa għal oħra … iva ġennata ħelwa.”

Ritratt: Virginia Monteforte
Kull ġimgħa Clare u Chris jippjanaw minn liema ktieb Clare se taqra, jiftehmu x’se jkun is-suġġett tal-parlata tagħhom – għalkemm, bejnietna, ladarba jaqbdu jpaċpċu jispiċċaw jiżvijaw mhux ħażin u jitkellmu ftit dwar kollox!
U xi kultant, jistiednu wkoll lil xi ħbieb oħra tagħhom jingħaqdu magħhom fil-podcast. Ġa kellhom mistieden lil Trevor Żahra. Fil-ġimgħat li ġejjin se jkollhom lil Noel Tanti u oħrajn.
“U fuq kollox … bil-MALTI … dejjem qisu xi kapolavur din li nagħmlu xi ħaġa bil-Malti,” kompliet tgħidilna Clare dwar Xpatapumm! “U jiddispjaċini li nħarsu lejha hekk … imma l-verità hi li aħna bbumbardjati bl-affarijiet bl-Ingliż … u mbagħad it-tfal iktar u iktar … mhux li qed jisimgħu wisq Malti fuq it-TV, radju eċċ … biex ma ngħidx li mhu qed jisimgħu xejn għax m’hemm kważi xejn apposta għalihom.
