Mela darba faqqgħet pandemija, u … Xpatapumm!

Tfaqqa’ pandemija.

Żewġt iħbieb antiki, ejja nsemmuhom Clare u Chris, jibdew jibagħtu messaġġi lil xulxin fuq WhatsApp b’suġġerimenti ta’ kotba x’jaqraw, sensiliet x’jaraw fuq Netflix, eċċ.

Minħabba li t-tnejn dejjem qishom imġienen, għaddejjin minn ħaġa għall-oħra, flok messaġġi text jirrekordjawhom messaġġi awdjo.

Chris jidħol fid-drawwa li jisma’ l-messaġġi awdjo ta’ Clare fi triqtu lura d-dar mill-uffiċċju. U jwieġeb b’messaġġ ieħor.

Darba waħda, Clare u Chris jgħidu, “Kos, hawn qisna qed nisimgħu podcast personalizzat dwar il-kotba u l-qari u l-paroli u l-istejjer. Għax ma nirrekordjawx xi ħaġa simili għat-tfal Maltin, xej xej inżommulhom ftit kumpanija?”

U hekk twieled il-podcast Xpatapumm!

Xpatapumm
Logo: Moira Scicluna Zahra

Fi kliem Clare Azzopardi, “Insomma ġennata vera ħelwa. Ġennata għax kollox mid-dar u kollox minn sempliċi mobile. Ħelwa għax l-idea wisq wisq ħelwa, li tagħmel xi ħaġa kompletament għat-tfal, li taf li huma maqfulin id-dar u li se ttihom xi ħaġa minn ġimgħa għal oħra, li ttihom dik l-istennija … bħal meta aħna nistennew puntata ta’ xi film interessanti minn ġimgħa għal oħra … iva ġennata ħelwa.”

Ritratt: Virginia Monteforte
Ritratt: Virginia Monteforte

Kull ġimgħa Clare u Chris jippjanaw minn liema ktieb Clare se taqra, jiftehmu x’se jkun is-suġġett tal-parlata tagħhom – għalkemm, bejnietna, ladarba jaqbdu jpaċpċu jispiċċaw jiżvijaw mhux ħażin u jitkellmu ftit dwar kollox!

U xi kultant, jistiednu wkoll lil xi ħbieb oħra tagħhom jingħaqdu magħhom fil-podcast. Ġa kellhom mistieden lil Trevor Żahra. Fil-ġimgħat li ġejjin se jkollhom lil Noel Tanti u oħrajn.

“U fuq kollox … bil-MALTI … dejjem qisu xi kapolavur din li nagħmlu xi ħaġa bil-Malti,” kompliet tgħidilna Clare dwar Xpatapumm! “U jiddispjaċini li nħarsu lejha hekk … imma l-verità hi li aħna bbumbardjati bl-affarijiet bl-Ingliż … u mbagħad it-tfal iktar u iktar … mhux li qed jisimgħu wisq Malti fuq it-TV, radju eċċ … biex ma ngħidx li mhu qed jisimgħu xejn għax m’hemm kważi xejn apposta għalihom.

“Hawn bumbardament ta’ affarijiet bħalissa … imma naħseb li Xpatapumm! uniku. (U bejnietna, nista’ nibqa’ bil-piġama, u ħadd ma jkun jaf!) 🙂 ”
Ritratt ta’ Austin Distel fuq Unsplash
Ritratt ta’ Austin Distel fuq Unsplash

Episodju ġdid ta’ Xpatapumm! joħroġ kull nhar ta’ Tlieta filgħodu. Issibuh, flimkien mal-episodji kollha li ħarġu s’issa, fuq il-pjattaformi ewlenin tal-podcasting fosthom Spotify, inkella tistgħu sempliċiment tmorru hawn: https://anchor.fm/merlinpublishers