Clare Azzopardi
Il-portfoljo tal-Malti jinbena bil-mod il-mod skont kemm il-Malti tieħdu bis-serjetà. Il-portfoljo tal-artisti jista’ jkun borża tal-plastik li jpoġġu kollox fiha jew inkella envelowp kbir ħafna, jew kaxxa taż-żraben, inkella bagalja biex żgur joqogħdilhom kollox.
Il-portfoljo tal-Malti jiddependi minn kemm se tfittex u ssib, taqra u tikteb, tirrifletti, taħseb u tiddiskuti. Jiddependi kemm tħobb il-lingwa tiegħek. Fil-verità l-portfoljo tal-Malti jista’ jkun fajl sempliċi, minn dawk ta’ żewġ ħoloq jew minn dawk ta’ erbgħa. Inkella fajl minn dawk kollu plastik. Imma jista’ wkoll ikun iktar oriġinali. Jista’ jkun ta’ barra minn hawn jekk għalik il-Malti huwa straordinarju. L-importanti huwa li tibża’ għall-ambjent int u tibni l-portfoljo tiegħek għax l-ambjent ħabib kbir tiegħi.
Fil-portfoljo tal-Malti jista’ jkollok dawn l-affarijiet:
stejjer li jinfluwenzawlek il-kitba
l-għanqbutiet tal-kitbiet
il-punti, il-kitbiet raff u l-kitbiet finalizzati
ir-riċerka li jkollha x’taqsam ma’ kull taqsima tal-ktieb
xi informazzjoni kulturali
xi informazzjoni fuq il-kittieba Maltin
l-istampi li jkollhom x’jaqsmu mat-topiks kulturali
xi artikli mill-gazzetti
il-kitbiet li tkun ktibt għall-gost
lista ta’ kotba li tkun qrajt jew kotba li tkun tixtieq taqra
ir-riflessjonijiet fuq il-kitba u l-qari
l-eżerċizzji tal-grammatika
xi qwiel u idjomi li jkollhom x’jaqsmu mat-temi li tkun qed tistudja
il-mistoqsijiet u t-tweġibiet dwar is-siltiet li tkun qrajt jew smajt fuq il-podcast
xi preżentazzjonijiet li tkun ippreżentajt fil-klassi
xi proġett, jew parti minnu, li għamilt jew qed tagħmel
xi kitba jew noti fuq żjara li għamilt mal-klassi
xi ritratti ta’ xi attività li għamiltu l-iskola u li għandha x’taqsam mal-Malti
L-appendiċi fuq wara ta’ kull ktieb għandhom jgħinu biex jinbena portfoljo tajjeb tal-Malti. Fl-appendiċi hemm ħendawts b’xi mistoqsijiet li jistgħu jiġu użati għal kull taqsima fil-ktieb. Fiex jikkonsistu dawn il-ħendawts? Hemm uħud minnhom li jiffokaw fuq il-proċess tal-kitba u allura l-istudenti jistgħu jirriflettu fuq il-kitba tagħhom kull darba li jiktbu; oħrajn li jiffukaw fuq il-qari u dawn jistgħu jgħinu lill-istudenti jirriflettu fuq dak li jkunu qraw; hemm ħendawts li jgħinu fir-riċerka; xi ħendawts jagħtu ftit ideat dwar kif jinbena argument għad-diskussjoni; u oħrajn se jagħtu ideat dwar kif issir preżentazzjoni dwar tema/suġġett.
L-istudenti mhumiex mitluba jużaw dawn il-ħendawts f’kull taqsima, u għal kull ħila differenti, imma tajjeb li r-riflessjoni tittieħed bis-serjetà għax din tgħin lill-istudenti jikbru.
Aqra wkoll: