X’hemm ġdid fil-borma?

Dax-xhur ta’ pandemija, hawnhekk il-Merlin ma qattajnihomx biss naħmu l-ħobż u naraw Netflix. Qattajniehom – kulħadd f’daru, konnessi bit-teknoloġija u b’laqgħat virtwali kuljum – naħmu għadd ġmielu ta’ kotba ġodda.

Uħud se tarawhom u, nittamaw, taqrawhom, fix-xhur li ġejjin. Intant però, fil-bidu ta’ Lulju ħerġin mill-forn 7 kotba kollha stejjer, kulur u innovazzjoni.

Tikka Qari 2020 preview shot copy

Qed nitkellem dwar il-kotba ġodda fis-sensiela Tikka.

Hemm Tikka Malti 6a, naturalment, xogħol Clare AzzopardiLeanne Ellul b’illustrazzjonijiet ta’ Erin Taylor. U miegħu hemm 6 kotba ta’ qari, wieħed isbaħ u iżjed eċitanti mill-ieħor.

U l-gost ta’ Tikka Qari hu proprju dan: stejjer friski, innovattivi, mill-pinna ta’ awturi varji u kreattivi, li jġibu lura l-gost għall-esperjenza tal-qari. Il-ħolma tagħna hi li l-istudenti ma jħarsux lejn il-qari tal-iskola bil-Malti bħala xi ħaġa “ta’ bilfors”, imma bħala ħin ta’ vjaġġi f’dinjiet u stejjer inkredibbli.

Għalhekk għandna l-aljeni u l-vjaġġi fuq pjaneta mbiegħda, f’Tara Frendo fuq il-pjaneta Sturja (Antoinette Borg, illustrazzjonijiet ta’ Nicole Diacono) u f’Enya l-aljena … reġina b’kumbinazzjoni! (Audrey Friggieri, illustrazzjonijiet ta’ Romont Willy).

Għandna s-supereroj ta’ Il-Mostru tal-bajja tal-Ġnejna (Leanne Ellul, illustrazzjonijiet ta’ Maxime Lebrun).

Għandna d-draguni, l-iljuni, il-figolli, il-Gran Mastri u ħafna iktar f’Tikka Poeżija għall-ħames u s-sitt sena (poeżiji tal-poeti l-aktar għal qalbkom, miġbura minn Clare Azzopardi, illustrazzjonijiet ta’ José Luís Ocaña).

Għandna d-debutt ta’ Karl Schembri mal-Merlin bi storja inkredibbilment emozzjonanti għat-tfal: It-tifel li salva d-dinja (illustrazzjonijiet ta’ Alice Samuel).

U għandna avventura ta’ taqtigħ il-qalb fuq l-ibħra, fost il-kursara u x-xwieni ta’ żmien il-Kavallieri, f’Stellini kursar Malti (Dwayne Ellul, illustrazzjonijiet ta’ Moira Scicluna Zahra).

U proprju biex intukom ftit togħma tal-ġmiel ta’ dal-kotba, sa ma tkunu tistgħu tarawhom f’idejkom ftit jiem oħra, hawn video ċkejken ta’ waħda mill-illustrazzjonijiet ta’ Moira Scicluna Zahra – fejn se taraw l-illustrazzjoni tieħu l-ħajja mix-xejn quddiem għajnejkom.

Opportunità biex nammiraw ix-xogħol inkredibbli ta’ dawn l-illustraturi!

Arawha l-illustrazzjoni tieħu l-ħajja …