X’fihom it-taqsimiet f’.mt?

Clare Azzopardi


Kull taqsima fil-kotba ġeneralment tinkludi:

il-qari u t-taħriġ il-fehem

id-diskussjoni

il-kitba kreattiva

il-podcast

il-kultura (informazzjoni/riċerka/preżentazzjoni)

il-punt grammatikali

il-punt tal-punteġġjatura

il-punt ortografiku

iċ-ċekkjatura

1. Kull taqsima għandha test li jista’ jinqara fil-klassi jew id-dar u abbinat miegħu hemm 3 settijiet ta’ mistoqsijiet. Hemm dawk il-ħfief nett, imbagħad hemm oħrajn ftit itqal u l-aħħar parti hija l-itqal waħda. Wieħed ma jridx iwieġeb il-mistoqsijiet kollha ta’ A, B u Ċ bilfors. Anzi, kulħadd għandu jieqaf fil-livell li huwa komdu għalih.

2. Id-diskussjoni titlaq minn punt fit-test tal-qari. Din tista’ tieħu biss ftit minuti mil-lezzjoni imma tista’ wkoll tieħu lezzjoni sħiħa. Tista’ ssir id-dar ma’ tal-familja, jew waqt xi free lesson mal-ħbieb. Mhux bilfors jiġu diskussi t-temi kollha li hemm irrakkomandati.

3. Il-kitba hija sezzjoni twila f’kull taqsima għax hija importanti ħafna. Kull sezzjoni titkellem dwar tip ta’ kitba partikolari li jkollha x’taqsam mat-test tal-qari. Allura jekk, ngħidu aħna, it-test tal-qari jkun rakkont fl-ewwel persuna, fil-parti tal-kitba jiġi spjegat kif għandu jinkiteb ir-rakkont fl-ewwel persuna. Il-kitba mhix ħaġa sempliċi u l-proċess tal-kitba jista’ jieħu fit-tul. Hemm ħafna ideat li wieħed jista’ jitlaq minnhom biex jikteb kitba fit-tul imma mhux il-każ li wieħed jikteb fuq kollox. Il-proċess huwa ħafna iktar importanti.

Il-Proċess tal-Kitba

qabel tibda tikteb trid taħseb ħafna

imbagħad tniżżel il-punti f’forma ta’ għanqbuta

tikteb l-ewwel draft

taqra u terġa’ tikteb it-tieni draft

terġa’ taqra u tara li m’għandekx żbalji u li l-kalligrafija tingħaraf

taqraha lil xi ħadd ħalli jgħidlek x’jaħseb jew x’taħseb

tikteb għall-aħħar darba u tippreżenta x-xogħol tiegħek

4. Il-podcast jgħinek fil-ħila tas-smigħ. Kull podcast għandu storja jew intervista ma’ xi awtur jew awtriċi. Imbagħad hemm xi mistoqsijiet. Il-podcast jista’ jsir fil-klassi jew fid-dar. Tista’ tisimgħu darba jew tnejn, anki tlieta jekk hemm bżonn. Qatt m’għandek tibda twieġeb jekk ma tkunx fhimt.

5. It-taqsima tal-kultura se tgħin biex jinbena l-proġett kulturali. Imma jekk ma jsirx proġett ma jkun ġara xejn għax il-verità hija li mhux bilfors irid isir proġett fis-sens tradizzjonali tal-kelma. Tista’ tiddeċiedi li tagħmel preżentazzjoni biċ-ċarts jew b’xi mudelli, inkella bil-PowerPoint jew inkella tista’ tiddeċiedi li tagħmel ir-riċerka u tiddiskutiha mal-oħrajn fil-klassi. Tagħmel x’tagħmel, din
is-sezzjoni se toffri informazzjoni kulturali u motivazzjoni biex issir iktar riċerka.

6. Fil-kotba hemm biss punti ċkejkna dwar topiks grammatikali differenti. Kull taqsima tħaddan fiha topik grammatikali ġdid. Imbagħad għal min irid jaħdem iktar, jista’ jaħdem l-eżerċizzji tal-grammatika li hemm fil-kotba .mt Xogħol għad-Dar. Għal kull taqsima hemm 10 eżerċizzji grammatikali.

7. Il-punteġġjatura tgħinek tikteb u taqra aħjar u għalhekk għandek issib ftit punti qosra dwar xi sinjali tal-punteġġjatura.

8. Il-punti ortografiċi huma meħuda l-iktar mid-deċiżjonijiet li ħareġ il-Kunsill tal-Malti fl-2008. Fil-ktieb se ssib biss xi punti li naħseb li huma importanti, imma għal aktar informazzjoni tista’ żżur dan is-sit: http://www.kunsilltalmalti.gov.mt/

9. Fl-aħħar ta’ kull taqsima hemm iċ-ċekkjatura biex tara jekk għandekx kollox fil-Portfoljo tal-Malti.


Aqra wkoll: