Merħba lill-Ispettur Castillo

Ilu ġej. L-ewwel rumanz għall-adulti ta’ Clare Azzopardi – rebbieħa ta’ prattikament kull premju letterarju marbut mal-Malti – ilu mistenni ħafna.

U, issa li wasal, ma ddiżappuntatx. Altru! Castillo, li tnieda April 12, 2018, huwa kapolavur ta’ krimini mistura, studju fl-ossessjoni u l-ambigwità. Il-Kurunell Muammar Gaddafi joffri spunt virtwali li jorbot lil tnejn mill-karattri prinċipali: Tommy Grech u l-Ispettur Dennis Castillo t-tnejn għandhom ritratt iffrejmjat tagħhom mal-Kurunell, meħud waqt iż-żjara statali Malta tal-1976.

Merlin Publishers nidew Castillo l-Undercroft Café, il-Belt Valletta, f’sala ppakkjata nies. Ġorġ Peresso u Marcelle Teuma ħaduna lura fiż-żmien sat-tmeninijiet, u qrawlna siltiet mir-rumanzi “detective mysteries” tal-awtriċi Kathy Penza. Il-mewta b’karozza-bomba ta’ Penza – qtil possibilment b’riżvolti politiċi li baqa’ sal-lum mhux solvut – ġie diskuss, fost temi oħrajn, mill-awtriċi f’konverżazzjoni ma’ Claire Bonello.

Biex jiċċelebraw dan il-ktieb uniku, il-Merlin ikkommissjonaw edizzjoni limitata ta’ 40 kopja nnumerata u ffirmata, maħduma bl-idejn minn Kotba Calleja.