Waħda fuq naħa u l-oħra fuq in-naħa l-oħra
On November 12, 2021

L-ewwel rumanz ta’ Lon Kirkop – Mitt Elf Isem Ieħor: Happy Vegan Girl Jules – ħasad lil kulħadd b’kemm hu frisk, mexxej u provokattiv fl-istess waqt. Kien bla dubju s-sorpriża tal-Festival tal-Ktieb li għadu kif għalaq. Staqsejna lil Lon ikellimna dwar kif u fejn twieled dar-rumanz. Hawn hu Lon, fi kliemu:

Kilt kmieni dakinhar, kienu xi l-ħamsa u nofs. Tlaqt il-platt fis-sink mingħajr ma ħsiltu, ferrajt it-tieni tazza Malbec u ntfajt inħares ’il barra mit-tieqa fil-ħames sular tal-appartament ċkejken li kont qed ngħix fih dak iż-żmien ġewwa Cambridge. Kont ilni nistudja hemm għal ftit xhur mhux ħażin u l-iżjed ħaġa li kont qed nimmissja ’l bogħod minn pajjiżi kienet il-lingwa. Kont ilni nixtieq nikteb ktieb u dejjem b’xi skuża jew oħra nittrateni jew nispiċċa ndawwar l-idea li jkolli f’xi play, u nispiċċa nikteb lilha flok — għax f’moħħi kienet iżjed faċli li nikteb play minn ktieb. Imma dakinhar kienet xi ħaġa differenti u akkost ta’ kollox ridt li nagħmel xi ħaġa li tressaqni eqreb lejn il-lingwa li tant kont qed nimmissja.

Il-karattru ta’ Julia, Jules, kien ilu ftit snin f’moħħi. Studjajtu waħdi, sirt nafu, esplorajtu u tfajtu f’miljun sitwazzjoni differenti biex nara kif iġib ruħu. Kemm-il darba kont nidħol lura fl-appartament għajjien mejjet u nsibha hemm bilqiegħda fejn it-tieqa tistennieni b’għajnejha kbar, tittama li dakinhar nibda nikteb l-istorja tagħha. Kien hemm żmien fejn bdejt naraha kull fejn immur. Kont se nibda nikteb mitt elf darba u dejjem nispiċċa nwaqqaf lili nnifsi għax kont ċert li kien għad hemm xi ħaġa nieqsa, kien hemm xi ħadd nieqes. U dakinhar, inħares mit-tieqa fil-ħames sular b’tazza Malbec f’idi u b’Julia bilqiegħda fuq in-naħa tal-lemin tiegħi, in-naħa l-oħra tfaċċat Manda.

Jien u Jules ħarisna lejha u din tbissmitilna lura, u f’dawk l-għajnejn kulur id-dlam tagħha stajt nara l-istorja li riditni nikteb. Tlaqt it-tazza fuq ħoġor it-tieqa, ftaħt il-Macbook, u fuq paġna vojta b’Julia naħa u Manda n-naħa l-oħra bdejt nikteb. F’moħħi kelli kollox ippjanat, kien beħsiebni nqatta’ l-ġranet l-Università naħdem fuq ix-xogħol tal-Masters, u filgħaxijiet nikteb l-istorja ta’ Julia u Manda, bihom stess bilqiegħda waħda fuq kull naħa tiegħi, jgħaddu l-kummenti, imaqdru u jiċċaċċraw bejniethom.

Fastforward għal ħmistax wara: konna ninsabu fuq l-ajruplan stivati fejn xulxin ġejjin lura Malta għax faqqa’ l-covid. Fl-ewwel ftit ġimgħat lura Malta, iffukajt kemm stajt fuq l-istudju u ’l Manda u ’l Julia tfajthom ftit fil-ġenb. Imma ma damux hemm, kienu jiġi billejl jippersegwitawli l-ħolm u jqajmuni. Kemm se ddum tgħidilhom biex iħalluk torqod, kemm se ddum tirrabja magħhom, fl-aħħar għaddiet tagħhom u ntfajt nikteb. Żgħażagħ ta’ dik l-età jirnexxilhom jieħdu li jridu.

Bis-saħħa tagħhom, ftit xhur wara kelli l-manuskritt lest u ddeċidejt li nissottomettih għall-Konkors ta’ Kitba Letteratura għaż-Żgħażagħ. Għalhekk, b’waħda naħa u l-oħra n-naħa l-oħra erħejtilha lejn Santa Venera nissottometti l-istorja tagħhom.

Lon Kirkop huwa l-awtur ta’ Mitt Elf Isem Ieħor: Happy Vegan Girl Jules, l-ewwel rumanz tiegħu. Il-ktieb jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba kollha jew anki online – b’pustaġġ lokali b’xejn – minn hawn. Fl-istess ħolqa tista’ wkoll taqra silta mir-rumanz, taħt it-tab “Excerpt”.

Mitt Elf Isem Ieħor: Happy Vegan Girl Jules huwa r-rumanz rebbieħ tal-Konkors ta’ Kitba – Letteratura għaż-Żgħażagħ 2020 organizzat mill-Aġenzija Żgħażagħ u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.