Vjaġġi, rokits u premjijiet

Bloggata mingħand ir-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb ta’ din is-sena bir-rumanz tagħha Rokit, Loranne Vella

Il-vjaġġ li bdejt ma’ Petrel fl-2012 kellu bidu deċiż, sod u preċiż. Iżda wara dan il-bidu, jien, bħal Petrel, kelli niskopri kull pass li kien imiss ma’ kull pass li nieħu. Għal ħames snin sħaħ issarajt mal-istorja ta’ Petrel, hekk kif il-linji dritti, serpentini u ċirkolari ta’ ħajtu bdew jingħaqdu u jitħarbtu ma’ dawk tal-persunaġġi l-oħrajn kollha li beda jlaqqgħani magħhom aħna u mixjin. Kien vjaġġ kwiet u storbjuż fl-istess ħin, kont waħdi ġranet sħaħ, iżda miegħi kelli l-ilħna tal-persunaġġi li kollha rieduni nagħtihom widen. Dawn l-ilħna ġarrejthom miegħi snin sħaħ, iżda malli temmejt nikteb l-aħħar faċċata ta’ Rokit waqgħet ħemda u Petrel, Rika, Veronica u Benjamin ma lissnux kelma oħra. Minn Marzu 2017 ’l hawn ma smajthomx iktar. Kważi kont insejt kif jinstemgħu. Sa ma ftit ġimgħat ilu, meta tħabbar li Rokit intgħażel bħala r-rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2018, reġgħu feġġu kollha kemm huma biex ilissnuli waħda tal-aħħar qabel jerġgħu jisktu għalkollox. Dan kien fil-fatt il-veru tmiem, għalija u għalihom ukoll,  ta’ din l-istorja li donnha kienet tħobb iddur iddur u qatt ma ttemm. Kif qalli Petrel qabel ma dar u telaq, “Issa tista’ anki tibda tirrakkonta storja ġdida”.

Minkejja dan, il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb jagħti lok biex l-istorja ta’ Petrel ma tiqafx sa xtutna u fil-fatt it-traduzzjoni ta’ Rokit għall-Ingliż diġà bdiet.

Nixtieq nirringrazzja lil kull min emmen f’dan ir-rumanz, lil Chris Gruppetta u Merlin Publishers li dejjem appoġġawni f’xogħli, lill-aġġudikaturi li għażluh bħala rebbieħ tal-Premju, lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb tax-xogħol siewi immens li qed jagħmlu fil-qasam tal-letteratura Maltija, u lill-qarrejja kollha li minn jeddhom jiddeċiedu li jallokaw il-ħin liberu tagħhom biex jaqraw dar-rumanz u jidħlu fid-dinja ta’ Petrel u jagħmlu l-vjaġġ miegħu.

– Loranne Vella