Twissija mingħand il-Gawgaw
On November 17, 2021

Novembru miexi ġmielu u miegħu jibdew l-ewwel għanjiet tal-Milied u l-ewwel tiżjin. U jibdew ħerġin ukoll il-presepji. Ernest Vella ħa spunt minn hekk biex jikteb rumanz ambjentat proprju f’jiem il-Milied — Wasal il-Milied — fejn madwar ġurnalist u l-presepju antik fid-dar tal-ġenituri tiegħu jibdew jiġru affarijiet mhux tas-soltu …

Tajba wkoll, ġie f’idejja l-ktieb Wasal il-Milied, flejtu ftit u ma domtx ma ġibtu trietaq. Prosit għalik sur Samwel Vella, fik ġurnalist ukoll! Tista’ tgħidli x’qatt għamiltlek jiena biex issaħħan lin-nies kontrija? Jien xi ħtija għandi li twelidt fil-lejl tal-Milied? M’għandix dritt li niċċelebra għeluq snini wkoll?! U kemm se ndum nissaporti li kulħadd jiċċelebra għeluq snin Ġesù u jien xejn? Mank rigal wieħed ma naqla’! Imbagħad tippretendi li ma niħux għalija? Min jaf x’kieku tagħmel int, sur ġurnalist?

Lanqas sens ta’ ħniena m’għandek. Int taf kemm tbatija ngħaddi minnha għax il-ħin kollu jkolli niġbed dik l-imgħarqa xatba tal-għelieqi? Imħatra li lanqas taf x’inhi. Din ix-xatba għandha forma ta’ trijanglu u taħt mimlija kollha msiemer. Din kienu jiġbduha l-bdiewa biex jillixxjaw il-ħamrija. Imma jien, sur Vella, ikolli nġebbidha warajja kull fejn ngħaddi: ħamrija, konkos, ġebel. U kemm sar hawn konkos? Aħjar bħala ġurnalist mort tinvestiga x’sar minnha l-ħamrija, u kif ksejtu kull m’hawn bil-konkos u s-siment! Ajma, ma niflaħx inżomm aktar bl-uġigħ ta’ ras b’daċ-ċekċik kollu. Imbagħad x’tippretendi li ma nsirx nervuż … lanqas nagħmel qadja bi kwieti ma nista’!

U int, sur kittieb, kont nistenna li tiggwida naqra lil dal-ġurnalist tal-ħabba gozz. Almenu li jirrapporta ż-żewġ naħat tal-istorja. Mela joqgħod fuq li qallu dak ix-xiħ żmagat li jagħmel il-pasturi? Iva bilħaqq, għax biex jimpressjona issa qed isejjaħ lilu nnifsu Pasturar. Jaħsibx li ġab xi dottorat! U iktar int, ja kittieb tat-toqba t’għajni, qgħadt tikteb fuq omm u missier it-taparsi ġurnalist — iħarrfu ma’ kull nifs li jieħdu.

Xejn ma ngħidlek, sur kittieb, iddendilx kusek miegħi. Mhux imbilli tagħmel l-arja għax ma twelidtx fil-lejl tal-Milied, xorta naf kif insibek. U jekk taħseb li b’daqsxejn ta’ fanal se tbeżżagħni, insieha!

Kelma ta’ ħabib se ngħidlek, sur kittieb — fil-lejl tal-Milied jaqbillek toqgħod tgħodd it-toqob tal-għarbiel biex ma torqodx!

Saħħiet

Il-Gawgaw

Ernest Vella huwa l-awtur ta’ Wasal il-Milied, l-ewwel rumanz tiegħu. Il-ktieb jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba kollha jew anki online – b’pustaġġ lokali b’xejn – minn hawn. Fl-istess ħolqa tista’ wkoll taqra silta mir-rumanz, taħt it-tab “Excerpt”.