MERLIN PUBLISHERS

At Merlin Publishers we publish about 40 books per year. Because we are a small
team of five, each and every title for us is a labour of love

It-Tim

Aħna nippubblikaw mal-40 ktieb fis-sena. U proprju għax aħna tim ċkejken ta’ ħamsa min-nies, kull ktieb huwa frott ta’ xhur u snin ta’ mħabba u dedikazzjoni. Għalina l-kotba jgħinuna mhux biss niftħu moħħna imma anki nkabbru l-immaġinazzjoni biex nagħtu iżjed kulur lill-ħajja.

L-idea tagħna ta’ pubblikazzjoni hi li nfittxu li mmorru lil hinn minn dak li diġà jeżisti fis-suq, u anke ma niddejqux immissu ma’ tematiċi s’issa meqjusa taboo f’pajjiżna. Għalhekk pereżempju ppubblikajna Mingu fejn ġiet esplorata t-tema tal-kaċċa, Fil-Kamra ta’ Jonas li jittratta wkoll il-ħabsin, Is-Sinjura Klaws u l-femminiżmu fl-istejjer għat-tfal, u Il-Kulleġġ għall-Prinċpijiet Perfetti fejn l-istorja misset mal-isterjotipar bejn ir-rwoli tas-subien u tal-bniet.

Waħda mill-affarijiet li l-aktar nogħxew fiha hi li nħufu għall-aqwa letteratura internazzjonali. Fil-fatt il-missjoni tagħna hi li nintroduċu lit-tfal Maltin għal-letteratura ta’ kemm jista’ jkun pajjiżi u kulturi differenti, biex il-ġenerazzjonijiet futuri jitilgħu moħħhom miftuħ iktar minna. S’issa ppubblikajna, bi traduzzjonijiet għall-Malti, kotba minn dawn il-pajjiżi kollha: l-Awstralja, Singapore, l-Ingilterra, il-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Katalonja, Spanja, il-Portugall, in-Norveġja, il-Kolombja u l-Brażil — u l-ħin kollu naqraw u nfittxu stejjer ġodda.

Aħna kburin li l-maġġorparti tal-aqwa awturi Maltin jippubblikaw mal-Merlin. Fl-istess ħin, hu unur għalina li l-ħin kollu nfittxu u nagħtu l-ewwel opportunità lil awturi żgħażagħ li għadhom ifittxu l-ewwel dar għall-kitbiet tagħhom, u nġibulkom stili sperimentali, friski u moderni.

Aħna tim ċkejken, magħqud minn passjoni għall-kotba, għall-arti u l-lingwa, u mill-fatt li rridu akkost ta’ kollox nagħmlu differenza fil-ħajja tal-qarrejja. Nemmnu fil-letteratura kontemporanja Maltija u dan qed inwassluh tramite editjar u disinn professjonali, u marketing u pubbliċità innovattiva u kreattiva.

Tul l-aħħar deċennju, il-Merlin għamel isem ukoll għal lista żgħira imma prestiġjuża ta’ proża għall-adulti. Uħud mill-kotba għall-adulti tagħna ġew ippubblikati f’ilsna u pajjiżi oħra, u rebħu anki premji importanti bħall-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura u l-Premju Letteratura għaż-Żgħażagħ.

Il-Merlin rebaħ ukoll, fost l-oħrajn, il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-Aħjar Dar ta’ Pubblikazzjoni f’Malta, għal tliet snin konsekuttivi. Il-kotba tagħna ġew esibiti fil-fieri ta’ Frankfurt, Londra u Bologna. Id-distributur tal-kotba Merlin hawn Malta huwa Miller Distributors.

Min aħna?

Chris

Pubblikatur, Editur

Meta ma jkunx qed jibdel it-toner tal-printer, jipprova jtajjar l-emails jew jagħmel aktar kafenijiet milli jagħmlulu ġid, Chris jeditja l-manuskritti. Dawk il-mumenti, meta jkollu pinna ħamra f’idu, ifakkruh “Kemm jogħġobni xogħli!” Mumenti speċjali oħra huma hu u jagħżel il-manuskritti x’jippubblika: jogħdos fil-famuż slush pile, jaqra sottomissjonijiet u siltiet, iħuf fil-kurituri tal-fieri barranin tal-ktieb ifittex il-Ktieb Bomba Li Jmiss għall-Merlin.

Għad li ħafna jakkużawh li -aħem!- il-ħin kollu bil-mowbajl imwaħħal m’idu, Chris – veru! — għandu ħajja lil hinn mix-xogħol. Il-parti l-kbira jqattagħha mal-familja, jitbellah ma’ uliedu, jew jaqra kulma jiġi għal idejh. Iħobb jiekol u jixrob, u mhux darba jew tnejn jagħmel binge-watching ta’ xi sensiela televiżiva u jibqa’ għaddejja sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu. U mal-iċken skuża, tarah jaqbadlek ajruplan għal fejn jiġi.

Daniela

Publishing Executive

Iżjed hemm ċans issib lil Daniela għand xi kap ta’ skola milli fuq l-iskrivanija tagħha l-uffiċċju, għax Daniela hija l-konnessjoni primarja bejn il-Merlin Publishers u l-iskejjel kollha ta’ Malta — statali, tal-Knisja u indipendenti. L-istudji tagħha fir-Riżorsi Umani jagħmluha l-aktar persuna “tħobb in-nies” mit-tim kollu, u meta tinqala’ xi problema kulħadd idur fuqha għall-għajnuna. Taf il-lista Merlin ta’ kotba tal-iskola u għat-tfal b’għajnejha magħluqa, u għandha talent biex tqabbel il-ktieb ideali għall-bżonnijiet speċifiċi ta’ skola.

Daniela hi eżempju għalina lkoll għax tmur il-gym fil-5am u tħobb u tipprattika l-eżerċizzju fiżiku. Hija ispirazzjoni għalina u fit-teorija kollha nixtiequ nagħmlu bħalha … imma fil-prattika mod ieħor … Daniela tħobb dak kollu li hu Taljan, u lil Hop, il-fenek tagħha.

Rachel

Editriċi, Direttriċi

Xi snin ilu, Rachel refgħet u telqet mill-karriera ta’ fiżjoterapista l-isptar biex tfittex xogħol iżjed kreattiv. Il-kreattività sabitha fid-dinja tal-kotba. U minn dakinhar, kif jgħidu, qatt ma ħarset lura.

Fost il-ħafna rwoli li kopriet s’issa, kien hemm l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet tal-kotba għall-tfal, konsulenza fuq kotba tal-iskola, kordinazzjoni tal-maġġorparti mill-kotba tal-iskola ppubblikati mill-Merlin, u anki kitba u addattamenti għall-Malti ta’ testi għaċ-ċkejknin nett. Rachel hija l-oażi ta’ kalma fl-uffiċċju, possibbilment riżultat tal-ħiliet organizzattivi tagħha … jew inkella ġejja mill-imħabba tagħha għall-ġardinaġġ.

Pierre

Direttur Artistiku

Pierre huwa disinjatur tal-kotba binhar, u supereroj billejl — forsi għalhekk, nissuspettaw, dejjem liebes l-iswed. Meta ma jkunx l-uffiċċju, ġeneralment ikun qed jaħdem fuq arti kunċettwali u installazzjonijiet, u xogħlijiet tiegħu jinsabu fil-Kollezzjoni Nazzjonali, il-Mużew Nazzjonali tal-Fine Arts, Malta, il-Gallerija Nazzjonali tal-Iżlanda, Reykjavik, l-arkivji The Little Constellations f’San Marino, l-Ambaxxata Amerikana f’Malta u f’kollezzjonijiet privati kemm Malta kemm barra. Iqum fl-4am, kien Squash World Champion għal tliet darbiet u fil-ħin liberu li jifdallu jipprattika l-ganutell. Aħem.
pierreportelli.com

Kristina

Editriċi

Ta’ tmien snin, marret kamp tal-Girl Guides. U għax ma kinitx daqshekk entużjasta li girl guides oħra jmorru jitfgħulha t-toothpaste ma’ wiċċha billejl, iddeċidiet li ma torqodx u minflok fid-dawl tat-torċ taqra Famous Five Go Adventuring Again. Hemm bdiet l-imħabba tagħha għall-kliem u l-kotba … imħabba li qatt ma telqitha.

Kristina m’għandhiex paċenzja għall-ġlied interminabbli dwar il-lingwi f’Malta u temmen li kulħadd għandu jkollu ħakma eċċellenti tal-Malti KIF UKOLL tal-Ingliż.

Il-Merlin hija magħrufa bħala l-Cruella de Vil tal-editjar … muwahaha.