Illum mistieden ieħor mill-familja kbira Merlin, l-awtur tal-polizjeski tal-Ispettur Gallo: Mark Camilleri
“Prosit sieħbi!”
Għajnejja mċajprin mad-daqq imxajtan tal-iżveljarin. Saru l-ħamsa ta’ filgħodu, xbin, ċaqlaq minn hemm. Bħal dejjem l-ewwel aptit ikun li nixħet il-mowbajl mal-ħajt. Minflok, għaliex il-bniedem jispiċċa jsegwi l-istess ritwal, xgħelt mill-ġdid il-wifi. L-ewwel messaġġ li daħal, mibgħut il-lejl ta’ qabel, kienu dawk il-kelmtejn miktuba minn ħabib antik tiegħi fuq Instagram.
Ma stajtx naqbad irkaptu.
Prosit? Prosit ta’ xiex?
Wieħed irid iżomm f’moħħu – għal dawk li ma jsegwunix jew mhumiex “ħbieb” virtwali tiegħi – li Settembru li għadda fettilli nieħu break twil minn Facebook u d-dinja semitossika tiegħu. Mal-jiem skoprejt li qed nirbaħ ħafna aktar ħin għalija nnifsi, il-qari, il-kitba u dak kollu li jogħġobni.
(PS: u għal min hu forsi kurjuż – le, m’iniex inħossu wisq in-nuqqas tal-kreatura ta’ Zuckerberg.)
Lura għas-suġġett tal-bloggata. Kif ma’ sieħbi għamiltha ovvja li ma kellix idea dwar għalfejn il-prosit, kien pront bagħatli ħolqa minn fuq CrimeReads.
Mal-kelmiet: The Crime Books of Malta, nistqarr li qalbi waqfet. Tipo: u ejja, possibbli?
CrimeReads kont skoprejtu xi erba’ snin ilu fuq suġġeriment t’awtur ħabib tiegħi sew li jaf kemm dan is-suġġett huwa għal qalbi. Minn dakinhar tista’ tgħid sirt qarrej assidwu tiegħu. Huwa sit magħruf ħafna fost il-miljuni ta’ fans tal-ġeneru polizjesk, polar u thriller, għaliex jolqot ħafna aspetti kulturali ta’ dan il-qasam, inkluż kotba u serje u films. Skoprejt mhux ktieb wieħed jew tnejn illi kieku kienu jibqgħuli misteru.
L-artiklu, miktub minn ċertu Paul French (nammetti li l-ewwel darba qrajtha Fenech minflok!), jitkellem dwar kotba polizjeski u gialli bil-lingwa Ingliża li huma ambjentati f’Malta jew Għawdex. Fil-maġġoranza miktuba minn awturi b’dixxidenza Maltija nkella awturi barranin li qattgħu żmien jgħixu hawn.
Qrajtu b’għaġla aktar mis-soltu sakemm wasalt lejn l-aħħar:
“There are a few Maltese crime writers that deserve to, but haven’t, been translated into English yet …”
Ħassejt kobor liema bħalu nara isem ir-rumanz debutt tiegħi, Prima Facie, stampat u mfaħħar.
Tgħid French jaf li r-raba’ rumanz fis-sensiela Gallo jinsab wara l-kantuniera? Tgħid għad jaqrahom xi darba bl-Ingliż?