Storja mħawda!

Bloggata ta’ Kit Azzopardi, bi tħejjija għall-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta

(ritratti: Katelia Art)

Mhux kulħadd ikollu x-xorti li jiġrilu bħal Jake Cassar! Imma tgħiduli, x’kien ġralu Jake Cassar? Jake Cassar kien inqabad fix-xita f’kamra tal-kotba u ma’ kull taqtira xita bdiet nieżla kelma dritt għal fuqu: XPLAĦĦ … qloqqqq … PPPPPPOLP! Ġimgħa ilu, it-tfal li jattendu l-kampsajf tal-Parroċċa tas-Swatar kellhom esperjenza simili … iżda flok ma bdiet nieżla fuqhom xita ta’ kliem, bdiet nieżla xita ta’ stampi …

Stampi kbar, stampi daqs tikka, stampi kkuluriti, oħrajn bojod, suwed, jew griżi … stampi tat-tadam u l-frott, tal-bini għoli u d-djar żgħar, ta’ kotba, fjuri, u muturi … insomma, kienet xita ta’ stampi ta’ kull tip!

U minn dit-taħwida sħiħa ta’ stampi, il-parteċipanti għaqqdu dinja għalihom. Fost l-oħrajn kellna d-dinja ta’ Hocus Pocus, l-Art tan-Natura, u d-Dinja ta’ Taħt Fuq. Fl-aħħar tas-sessjoni, kull grupp ippreżenta d-dinja tiegħu fuq ċart u qalilna xi ħaġa dwar l-abitanti tagħha.

Dan il-workshop ingħata minn Kit Azzopardi u Justine Somerville, bl-għajnuna imprezzabbli tal-Kappillan Dun Robert Grech u ta’ Katel Delia (fotografa; Katelia Art). Il-workshop kien parti mill-attivitajiet ta’ qabel il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta, u ffoka fuq il-kitbiet ta’ Clare Azzopardi, waħda mill-mistiedna speċjali ta’ din is-sena.

— Kit Azzopardi