Riżoluzzjonijiet (verżjoni Remix)

Lill-qarrejja kollha, awguri għal sena ġdida mimlija stennija u tgawdija ta’ stejjer u avventuri ġodda fid-dinja tal-kotba.

Qegħdin fiż-żmien tar-riżoluzzjonijiet, meta d-dilettanti tal-kotba għandhom ħabta jirriflettu ftit fuq il-qari tas-sena li għaddiet u jfasslu miri ġodda dwar dak li jixtiequ jaqraw matul is-sena li għadha tibda. Ħafna minna rċevew stedina bħal din: Start the New Year right by signing up for our Reading Challenge! How many books are you pledging?

Jekk tippermettilna, nixtiequ nipproponulek sfida alternattiva. Minflok tippjana Kemm se naqra kotba? nistidnuk tistaqsi X’se naqra sabiħ din is-sena? U minflok tiffoka fuq numru, inħajruk timmira lejn iktar kwalità u varjetà, u taspira għal esperjenzi ta’ qari iktar rikki, varjati u avventurużi minn dak li taqra s-soltu.

Ritratt ta’ Clem Onojeghuo fuq Unsplash

Aqra differenti

Tibżax taqbeż minn ġeneru għal ieħor, minn lingwa għal oħra, minn awtur għal ieħor, minn epoka għal oħra. Fittex perspettivi ġodda u differenti minn tiegħek, aqra kotba li mhux soltu taqra, laqqa’ lilek innifsek ma’ karattri differenti, u imraħ fil-possibbiltajiet li tista’ ssibhom biss bejn il-paġni tal-kotba.

Aqra li jiġi

Tapplikax wisq rigorożità u metikolożità biex tagħżel il-ktieb li jmiss taqra. Intelaq f’idejn id-destin u oqgħod fuq li tgħidlek l-intuwizzjoni; jaf iwassluk lejn teżori fi rkejjen li s-soltu lanqas biss tersaq lejhom.

Aqra li trid

Fil-qari m’hemmx ħtija u mistħija. Aqra li trid, li jogħġbok u li jeċitak, anke jekk jinzerta ktieb li ħaddieħor jistmerr jew ixammar imnieħru għalih.

Aqra kuljum

Itfi dak il-mowbajl u warrab ftit ħin għall-qari kuljum: fis-sodda mal-kafè ta’ filgħodu, waqt il-vjaġġ lejn u lura mix-xogħol (sakemm ma tkunx qed issuq int), jew l-aħħar ħaġa qabel ma torqod … f’idejk.

Aqra iktar fil-fond

Irrifletti ftit wara li tkun qrajt ktieb; ikteb il-ħsibijiet, l-emozzjonijiet li qanqallek, u r-riflessjonijiet tiegħek dwaru fi djarju jew pitazz jew fajl tal-Word. Jekk trid, tista’ wkoll tikteb u xxerred xi reċensjoni, jew tiddiskuti li tkun qrajt ma’ qarrejja oħra.

Aqra ma’ ħaddieħor

Ingħaqad ma’ book club u aqsam l-esperjenza tal-kotba ma’ qarrejja oħra bħalek. Il-book clubs jiftħulek moħħok għal perspettivi differenti, u joffru motivazzjoni extra u sens ta’ komunità.

Aqra … imma mhux biss

Ipprova ritwali ġodda marbutin mal-qari, u esperjenza l-kotba lil hinn mill-forma fiżika tagħhom. Iktar ma tuża kreattività iktar aħjar, ngħidu aħna:

  • jekk tkun tista’, mur aqra ktieb fil-lok fejn hu ambjentat
  • isma’ audiobooks f’postijiet mhux tas-soltu: f’xatt il-baħar, taħt l-istilel, fil-banju …
  • sajjar ikel ispirat minn, jew imsemmi fil-kotba li tkun qed taqra
  • oħloq playlist b’mużika li tikkumplimenta t-temi jew ix-xeni tal-ktieb, u isma’ dik il-mużika int u taqra
  • ixgħel xemgħa bi fwieħa li tmur mal-ambjent tal-ktieb
  • immarka siltiet, pinġi jew ikteb notamenti fil-marġni tal-ktieb int u taqra
  • ara l-film wara li tkun qrajt il-ktieb u qabbel iż-żewġ esperjenzi tar-rakkont
  • uża t-temi, simboli jew karattri ta’ ktieb bħala ispirazzjoni għall-proġetti kreattivi tiegħek.

Nixtiqulek sena ta’ qari divertenti, trasformattiv u mimli ispirazzjoni! Jalla s-sena l-ġdida ta’ qari tkunlek mhux sempliċement numru li trid tilħaq, imma kalejdoskopju mlewwen ta’ esperjenzi ġodda u straordinarji.

Il-qari t-tajjeb!

— Antoinette Borg

Ritratt tal-faċċata: Tim Mossholder fuq Unsplash