Read an extract from “Sal-quċċata tal-Everest”
On April 27, 2018

Marco Cremona ma’ Glen Calleja

Daħla: L-ewwel trid tasal


Fis-17 ta’ Mejju 2010 jiena, flimkien ma’ Gregory Attard u Robert Gatt, taħt it-tmexxija tal-gwida Skoċċiż Victor Saunders, sirna l-ewwel Maltin li qatt telgħu f’għoli ta’ 8,848 metru. Konna qed nirfsu fuq il-quċċata tal-Muntanja Everest. L-ewwel Maltin. Kienet ilha ġejja s-snin. Snin ta’ ppjanar u ħolm. Imma issa wasalna. Irnexxielna. Qegħdin hawn. Mission accomplished. Ħolma.

Ħolma? Le, għalija l-muntanji qatt ma kienu ħolma. Lanqas l-Everest. Il-muntanji kienu sfida. Sfida miegħi nnifsi. Ridt nara niflaħx għalihom fiżikament u mentalment. Fil-bidu ma kontx nobsor li wara l-ewwel waħda se jkun hemm it-tieni u l-bqija, li se jwassluni sal-quċċata ewlenija tad-dinja. Qatt ma immaġinajtha. Qatt ma ħlomtha. Imma hemm spiċċajt. U ma jiddispjaċinix.

Mal-muntanji jiġu s-sagrifiċċji, speċjalment muntanja d-daqs tal-Everest. Trid il-ħin. Investiment enormi ta’ sigħat biex tipprepara u biex tfaddal il- fondi biex tkopri l-€35,000 li bejn wieħed u ieħor tiswa l-ispedizzjoni. Trid il-ħin biex tirrifletti fuq id- deċiżjonijiet li qed tieħu: Irrid verament immur għal tmien ġimgħat xi mkien fejn ħalla l-karkura x-xitan u ma nafx niġix lura? Lest nieħu dar-riskju? U dan kollu, għalfejn?

Il-muntanji huma proġetti personali bi prezz għoli ħafna. Jekk taqbdek in-namra tal-muntanji jfisser li se jaslu mumenti fejn se tagħti bis-sieq lil nies u affarijiet li tħobb. Għal xiex? Biex tissogra ħajtek. Biex tmur fejn ftit azzardaw imorru. Biex tara għandekx il-guts biżżejjed biex meta kollox ġej bil-kontra tibqa’ għaddej. Biex tirbaħ biżgħat serji. X’ġenn hu dan?

Dan il-ktieb jirrifletti dwar karriera ta’ sfidi personali ta’ tifel, imbagħad raġel, li kiber b’xewqa ikbar minnu biex jiskopri l-limiti tiegħu nnifsu u jisfida l-impossibbli.

 

1: L-Everest li kważi abbandunajt

 

Fl-1 ta’ Diċembru 2009 nikteb email lil Robert u ’l Greg. Ngħidilhom hekk:

Wara ħafna deliberazzjonijiet (u diskussjonijiet ma’ Joanne) iddeċidejt li ma nippruvax nitla’ l-Everest. Mhix deċiżjoni faċli emmnuni. Hija qabelxejn ir-riżultat ta’ ħafna konsiderazzjonijiet personali. Jiddispjaċini. Naf li qed niddiżappuntakom. Xorta se nipprova ngħinkom kemm niflaħ.

Naf li d-deċiżjoni tiegħi se tfisser li kull wieħed minnkom se jkollu joħroġ mal-elfejn ewro iktar. Mil-lat pożittiv, kwalunkwe fondi li jiġu għal Challenge8000 issa jinqasmu bejn tnejn mhux tlieta.

Jien m’iniex xabbatur bħalma intom intom. Ma nħobbx il-muntanji bl-istess mod li tħobbuhom intom. Jiġifieri jekk xi ħadd minna kellu jinqala’ mill-ispedizzjoni għall-ġid tat-tim, dak ix-xi ħadd għandu jkun jien. Hija d-deċiżjoni naturali. (Aħna u neżlin mill-quċċata taċ-Cho Oyu xahrejn ilu, kont semmejt xi ħaġa lil Robert.)

Kif ġew l-affarijiet, kont inħossni skomdu li jien nitla’ l-Everest mingħajrkom sempliċement għax bħalissa niflaħ għaliha finanzjarjament u intom tippreferu tistennew sal-istaġun tal-2011 … iktar u iktar meta jien nippreferi logħba football milli nitla’ l-muntanji.

Inwegħidkom li nagħmel mill-aħjar biex inkompli nġib l-isponsors għal Challenge8000, għalikom.

L-email tkompli bl-opinjonijiet tiegħi dwar il- loġistika tal-ispedizzjoni, dwar ir-rotta, dwar il-gwida eċċ.

Xahrejn wara reġa’ bdieli.


Tista’ tkompli taqra billi tixtri l-ktieb minn hawn.

Leave a reply

  • More news