Read an extract from “Irvin Vella: Il-Każ tal-Gżejjer tat-Teżor”
On April 29, 2018

John A. Bonello

Daħla

Lejlet l-ewwel tas-sena


Ħareġ ftit wara li daqqu l-erbgħa ta’ waranofsinhar, f’dak l-aħħar jum ta’ sena li bidlitlu ħajtu ta’ taħt fuq. Mexa mit-toroq siekta lejn l-istess post li kien żar dakinhar stess filgħodu. Il-kamera tar-ritratti, miżmuma madwar għonqu b’ċinga rqiqa sewda, ixxenglet ’l hemm u ’l hawn mal-moviment. Kull tant passi beda jħares lejn l-arloġġ, imbagħad ’il fuq lejn is-sema, ansjuż li ma jmurx jasal tard. Il-puntwalità kienet kruċjali f’dik il-biċċa xogħol.

Meta ħares mill-ġdid lejn is-sema, li kulma jmur beda jiħmar, ħaseb li almenu l-ajru kien iffavurieh u baqa’ bnazzi. Kieku nzerta maltemp, kien ikollu jistenna istruzzjonijiet ġodda u kien jispiċċa jitlef il-vantaġġ li kiseb b’tant tbatija.

16:18. Ħaffef il-pass minkejja li kien jaf li fadallu erbgħin minuta oħra. Iżda din il-ħaġa kien ħadha b’serjetà kbira — kien l-ewwel u ried jibqa’ l-ewwel. Ħass l-ansjetà tiżdied aktar. Saħansitra sema’ t-taħbit ta’ qalbu f’dik il-ħemda. Seta’ mar fuq il-post bil-karozza, iżda ma riedx jagħti fil-għajn. Speċjalment jekk kien hemm oħrajn bl-istess għanijiet li kellu hu. Kienet possibbiltà kbira, wara kollox. Ma setax jgħid min kien hemm għassa tiegħu.

Għalkemm ma kienx riħ qawwi, l-arja kienet kiesħa. Dik is-sirda li taqa’ ma’ tmiem ġurnata xitwija. Seta’ jħossha ma’ wiċċu, għarqan mill- mixja, u mas-swaba’ t’idu x-xellugija li fiha kien qed iżomm bastun tal-qasab, maqtugħ eżatt eżatt skont l-istruzzjonijiet—erba’ piedi u sitt pulzieri. Idu l-oħra daħħalha fil-but tal-ġakketta ħafifa li kien liebes.

Wasal fil-ħin, anzi ħarira qabel. Ix-xemx kienet qorbot biex tmiss max-xefaq u fi ftit minuti tisparixxi. Fil-ħmura ta’ dik l-għaxija friska, mar sab it-toqba fil-blat li kien identifika aktar kmieni. Daħħal il-bastun fiha u dar jara d-dell tal-bastun fejn se jaqa’. Id-dell qasam it-trejqa mħarbta, iġġebbed u twal sa ma laqat ħajt tas-sejjieħ baxx in-naħa l-oħra tat-trejqa.

Ħares lejn ix-xemx, ballun aħmar nirien fl- aħħar ftit sekondi ta’ dik is-sena, imbagħad mill-ġdid lejn id-dell u lejn l-arloġġ.

16:57. Ġibed erba’ ritratti ta’ ġebla partikulari, dik li indikalu d-dell tal-bastun.

Mexa lura, neħħa l-qasba minn fejn kienet u remieha għal isfel fl-irdum ta’ taħtu. Dar jara x-xemx togħdos għalkollox u tbissem, kuntent. Sakemm induna li eżatt warajh kien hemm xi ħadd.


Tista’ tkompli taqra billi tixtri l-ktieb minn hawn.

Leave a reply

  • More news