“And they lived happily ever after.”
Kollha hekk jispiċċaw l-istejjer ta’ mħabba fil-ħrejjef. Bl-aktar kliem ottimist u bellusi mid-dizzjunarju kollu. Frażi qarrieqa li biha nilludu ruħna li dik il-koppja, wara li tkun għelbet sħarijiet u sħaħar, draguni u kunjati, xejn qatt mhu se jifridha — u hekk sal-mewt. Gidba faħxija li ngħiduha lit-tfal biex inbellgħuhielhom li vera teżisti l-imħabba dejjiema. U t-tfal jemmnuna … almenu sakemm dik id-dardira ta’ xagħarha malji l-iskola ma titilqekx waqt il-ġita tal-Form 3.
Il-ħrejjef maħduma bizzilla biex ikomplu jsaħħu din l-illużjoni. Tant hu hekk li ġeneralment l-istorja tispiċċa eżatt qabel ma jitfaċċaw il-baddies ta’ vera, dawk kattivi tant li fejnhom Captain Hook u Cruella de Vil jidhru qishom il-fidili — l-avukati divorzisti!
Jekk fostkom li qed taqraw, hemm l-avukat li għada pitgħada jaf ikun qed jidher għal marti għad- divorzju, irrid niċċara, Sur Avukat, li fil-kapitli li ġejjin se ngħaddiha biż-żmien imma bla malizzja, bil-qbil u l-barka tagħha. Imma fuq kollox nixtieq ukoll ngħarrfek li kull waħda mit-traġedji li se nirrakkonta seħħet tassew u ma ivvintajthiex jien minn żniedi. Għandi mijiet ta’ qraba u ħbieb, illi kieku jkollhom, sparati jiġu jixhdu favurija u jikkonfermaw taħt ġurament dak li ġara — anki għaliex raw, ipparteċipaw u, f’xi każi iktar sfortunati għalihom, daqu. Ħalli hekk, Dottore, dakinhar tal- qorti tkun tikka iktar ħanin miegħi. Jew almenu ttini dak id-daqsxejn ħjiel ta’ tbissima bil-messaġġ ċar: Naf tajjeb dak kollu li kellek tissaporti, jien miegħek inżomm, jiddispjaċini ħabib, imma jkolli nagħmel xogħli.