Read an extract from “Iżżewwiġt Vegana”
On April 27, 2018

Fausto Brizzi, translated into Maltese by Ludvic Azzopardi Ferrando


“And they lived happily ever after.”

Kollha hekk jispiċċaw l-istejjer ta’ mħabba fil-ħrejjef. Bl-aktar kliem ottimist u bellusi mid-dizzjunarju kollu. Frażi qarrieqa li biha nilludu ruħna li dik il-koppja, wara li tkun għelbet sħarijiet u sħaħar, draguni u kunjati, xejn qatt mhu se jifridha — u hekk sal-mewt. Gidba faħxija li ngħiduha lit-tfal biex inbellgħuhielhom li vera teżisti l-imħabba dejjiema. U t-tfal jemmnuna … almenu sakemm dik id-dardira ta’ xagħarha malji l-iskola ma titilqekx waqt il-ġita tal-Form 3.

Il-ħrejjef maħduma bizzilla biex ikomplu jsaħħu din l-illużjoni. Tant hu hekk li ġeneralment l-istorja tispiċċa eżatt qabel ma jitfaċċaw il-baddies ta’ vera, dawk kattivi tant li fejnhom Captain Hook u Cruella de Vil jidhru qishom il-fidili — l-avukati divorzisti!

Jekk fostkom li qed taqraw, hemm l-avukat li għada pitgħada jaf ikun qed jidher għal marti għad- divorzju, irrid niċċara, Sur Avukat, li fil-kapitli li ġejjin se ngħaddiha biż-żmien imma bla malizzja, bil-qbil u l-barka tagħha. Imma fuq kollox nixtieq ukoll ngħarrfek li kull waħda mit-traġedji li se nirrakkonta seħħet tassew u ma ivvintajthiex jien minn żniedi. Għandi mijiet ta’ qraba u ħbieb, illi kieku jkollhom, sparati jiġu jixhdu favurija u jikkonfermaw taħt ġurament dak li ġara — anki għaliex raw, ipparteċipaw u, f’xi każi iktar sfortunati għalihom, daqu. Ħalli hekk, Dottore, dakinhar tal- qorti tkun tikka iktar ħanin miegħi. Jew almenu ttini dak id-daqsxejn ħjiel ta’ tbissima bil-messaġġ ċar: Naf tajjeb dak kollu li kellek tissaporti, jien miegħek inżomm, jiddispjaċini ħabib, imma jkolli nagħmel xogħli.

Kif kont qed ngħid, l-istejjer ta’ mħabba għandhom tmiem, expiry date, imma li s-soltu ma tantx ikun fih x’tirrakkonta. Anzi, ikun veru prevedibbli. Qrejjen, inganni, platti mkissra, SMS jikxiflek għajnek, biki u tgħażżiż ta’ snien, pawsi ta’ riflessjoni għalxejn, tfal imqabbża ’l hawn u ’l hemm, u l-kotba u d-diski u min se jieħu xiex u kif (dejjem jekk għandek aktar minn erbgħin sena, jekk le ħafna aktar faċli). Kollha kemm aħna kellna nissaportu d-drama ma jispiċċa qatt ta’ tmiem t’għerusija jew żwieġ ta’ xi ħabib iddisprat. Fhimtuni x’qed ngħid. Xi drabi, ovvjament, konna aħna stess li qridna lill- iżvinturat li missitu jisma’ l-biki meqrud u d-dispja- ċiri milfuqa tagħna. Kollu għalxejn. Sigħat moħlija fil-biki għal storja li tkun għadha kemm spiċċat, u li għad nibkuhom tul is-snin. Kieku nista’ nerġa’ nġib lura dawk is-sigħat li qattajt nisma’ d-diski ta’ Baglioni wara li telqitni tfajla, sentejn minn ħajti nirbaħ kieku — mill-anqas!

It-tmiem ta’ mħabba bħal kapitlu li għandu jitqatta’ u jintrema mill-ktieb ta’ ħajjitna. Mument bla bżonn li kulma jtina ġrieħi u dispjaċiri. Il-parti li taħkimna, dik li tbikkina u temozzjonana — kif jafu sew il-kittieba ta’ Hollywood — hija dejjem il-bidu, li dejjem ikun differenti, anki jekk fl-aħħar mill-aħħar dejjem l-istess.

L-istejjer ta’ mħabba kollha jibdew, infatti, bl-ewwel date.


Read more: buy the book from here.

Leave a reply

  • More news