1990. Mejju. Għal James, l-isbaħ xahar tas-sena. Is-sema
bellezza u t-temperatura diġà bdiet tixxabbat ’il fuq bil-mod
il-mod. Għandu l-gazzetta f’idejh, tazza te ħdejh, u qiegħed
imxaħxaħ fuq id-deckchair li rama fil-ġnien, għall-kwiet u
biż-żiffa friska tmellislu wiċċu. Xi jrid iktar?
Ta’ tmienja u sittin, James għadu jżommha. Jgħidulu
“l-Ingliż”, għax wiret il-karnaġġjon ta’ missier missieru, li
kien minn Wales. Fih raġel, magħqud iżda mhux oħxon, dritt
daqs xemgħa, ruxxan, għajnejh żoroq, u bil-mustaċċi.
Għandu xagħru fil-griż u jżommu dejjem maqtugħ pulit qisu
għadu ħiereġ mingħand il-barbier. Jimxi mixja kuljum u
spiss tarah ipassi minn Balzunetta sal-Belt biex jiltaqa’ ma’ xi
ħabib il-Barrakka ta’ Fuq, jieħdu belgħa te u jgħidu kelmtejn
jew tlieta. Mill-bqija, jgħix ħajja kalma u kwieta, kollox
ippjanat u bla sorpriżi. S’issa.
James iferfer waħda l-gazzetta u jifrixha fuq saqajh. Tinħass itqal mis-soltu. It-Times tal-Ħadd 27 tax-xahar. Ħarġa speċjali mimlija artikli u ritratti jiddokumentaw il-folol u l-ewforija li laqgħu ’l-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni waqt iż-żjara tiegħu f’Malta. Fuq il-faċċata hemm ritratt kbir tal-Papa fuq katamaran fil-Port il-Kbir, imdawwar b’għexieren ta’ dgħajjes. Kif jagħmel kull meta jkun qed jaqra l-gazzetta, James jibda jgħaddi l-kummenti minn taħt l-ilsien: “Kif waqfet għalkollox Malta dal-jumejn! Qisu reġa’ ġie San Pawl!”
It-te ġie perfett illum, jinnota b’sodisfazzjon; la ħafif
iżżejjed u lanqas karg wisq, u ħalib fih preċiż kemm hemm
bżonn biex jieħu l-kulur u t-togħma ideali. It-te James jieħdu
bil-ħalib tal-bott u b’żewġ kuċċarini zokkor, imburġati.
Importanti li jkun f’tazza tal-ħġieġ għax inkella t-togħma
tinbidel. U ma jixorbux jekk ma jkunx jaħraq.
Biex iqalleb il-gazzetta juża dejjem l-istess sekwenza.
Mill-faċċata ta’ quddiem imur għall-paġni tal-isports,
imbagħad għall-kronaka lokali u internazzjonali, u wara
għall-paġni tal-ittri lill-editur. Ħafna drabi jeħel hemm, għax
aktarx fost il-korrispondenza tal-qarrejja jsib xi opinjoni
li ma jaqbilx magħha, u ma jistrieħx qabel ma jilgħaq envelop
li jkun fih risposta bil-kontroargumenti kollha tiegħu.
Fl-aħħar, jekk ikun fadallu ħin, jinfitel mat-tisliba.
Illum, malli jpoġġi t-tazza sħuna u vojta maġenbu u jsib il-paġna tal-ittri, l-ewwel ma jilmaħ tkun ittra akkumpanjata minn ritratt antik, iswed u abjad. Seeking information about a long-lost friend. Minn dawn ikun hemm spiss, u ma tantx jinteressawh. Għajnejh jaqbżu għal fuq it-titli tal-ittri l-oħrajn. Dangerous building site. Jalla waħda. Amnesty for prisoners. Mhux hekk? La ġie l-Papa, ħaqqhom jumejn maħfura msieken, hux? A land of contradictions. Tiċċajta!
Għajnejh jerġgħu jmorru fuq ir-ritratt antik, u jinqata’ minn ġewwa hekk kif jagħraf ix-xbieha mitfija tiegħu nnifsu, liebes l-uniformi tal-armata Ingliża. Ritratt miġbud f’Haifa, iktar minn erbgħin sena ilu. Qiegħed spalla ma’ spalla mas-Surġent Doyle u warajhom — ma jidhrux sew fir- ritratt — hemm il-ġonna mtarrġa ta’ Bahá’í, bir-ringieli tas-siġar tal-palm jixxabbtu mal-għolja ta’ Monte Carmeli sat-tempju fil-quċċata.
L-ittra mar-ritratt miktuba minn korrispondenta mara li qed tgħid li qed tfittex il-persuna fuq il-lemin tar-ritratt li kienet taf snin ilu. Tiftakar li kien jismu James Arthur Young, Eks Kaptan fl-armata Ingliża, li kien stazzjonat il-Palestina fl-1946. Din il-persuna qed titlob lill-qarrejja biex jikkuntattjawha jekk għandhom xi tagħrif li jista’ jgħinha ssib lil dan il-ħabib antik tagħha. Se tkun alloġġjata n-Notabile Hotel, l-Imdina, sal-10 ta’ Ġunju.
Iffirmata, Ruth Kaminski.
“Fejn kont dawn is-snin kollha, Ruth?” iħarħar b’leħen
baxx James. Għajnejh jiċċajpru u qed iħoss għoqla tielgħa
fi griżmejh.
Kien is-sajf tal-1946. Il-gwerra ma kinitx ilha wisq li spiċċat u bagħtuh il-Palestina, li dak iż-żmien kienet taħt il-mandat tar-renju Ingliż. Fiż-żmien li kien stazzjonat hemm, fil-port ta’ Haifa, xogħol l-armata Ingliża kien li jinżammu l-Lhud milli jidħlu illegalment fil-Palestina. Bosta Lhud li kienu salvaw mill-Olokawst u oħrajn imferrxin mad-dinja kollha kienu qed jerħulha bl-eluf lejn l-art tal-Palestina biex jibdew ħajja ġdida u jnibbtu l-pajjiż tagħhom mill-ġdid, iżda l-Gvern Ingliż kien qed jinsisti li ma jidħlux iktar minn 10,000 ruħ fis-sena.
F’Haifa x-xemx tant kienet taħraq li stajt tismagħha
żżarżar f’widnejk. Il-ħitan tal-uffiċċju, li kien fuq wieħed
mill-mollijiet tal-port, ftit li xejn kienu qed inaqqsu
mill-qilla tas-sħana, u l-kamra kienet fgata b’riħa qawwija ta’
għaraq u saqajn. Fann żgħir kien qed jitfa’ żiffa batuta fuq
wiċċ James, iżda bih u mingħajru xorta; fuq l-uniformi, taħt
abtejh, feġġewlu żewġ dbabar kbar.
James kien wara mejda żgħira li kienet qed isservi bħala
skrivanija, u quddiemu kien hemm żewġ siġġijiet. Kellu
żewġ mazzi ta’ fajls quddiemu, fuq par tilari mmarkati “In” u
“Out”, u maġenbhom flixkun ilma u tazza. James ħareġ
maktur, mesaħ ġbinu u fuq xufftejh mill-għaraq, imbagħad
xorob ftit ilma u ordna lis-suldat ta’ mal-bieb biex idaħħal lil
min imiss.
Daħlet mara. Kien diffiċli tgħid kemm kellha żmien;
ikbar minnu żgur. Tletin sena, jew xi ftit fuqhom? La twila
u lanqas qasira, mgħaddma bħall-oħrajn kollha, bajda karti
u xagħarha kannella maqtugħ qasir. Rasha baxxuta. Kienet
liebsa libsa ffjurita tiġiha baħar; imdendla magħha bħalli-
kieku fuq spalliera. Daħlet tkaxkar saqajha bil-mod, u
baqgħet bilwieqfa quddiem l-iskrivanija.
“Poġġi,” qalilha James waqt li b’sebgħu l-werrej ipponta
lejn is-siġġu.
Il-mara poġġiet bil-mod, fit-tarf. Dehret mifxula.
“Tifhem bl-Ingliż?” staqsieha.
“Iva.” “X’jismek?” “B19637,” qaltlu minn taħt l-ilsien. “X’inhu?” Il-mara bħal infixlet. Imbagħad imbuttat il-komma tax-xellug ’il fuq sal-minkeb, u tfaċċa n-numru li kienet semmiet, ittatwat fuq driegħha. B19637. James ġibed nifs ’il ġewwa u għalaq għajnejh għal mument.
“Ismek għandi bżonn. Tiftakru ismek?” għolla ftit leħnu
James.
Il-mara bħal issummat, imbagħad petptet għajnejha
u xenglet rasha ħafif.
“E, Ruth. Ruth Kaminski. Iva, Ruth Kaminski.” L-irkejjen
ta’ xufftejha tħarrku fi ħjiel ta’ tbissima, u James rattab
kemxejn leħnu.
“Minn fejn ġejja, ‘Ruth Kaminski’?” “Mm?” “F’liema kamp kont?” “Dachau.”
James ħareġ fajl ġdid minn ġo kaxxa tal-kartun li kien
hemm ħdejn saqajh, u kiteb Ruth Kaminski b’ittri kbar fuq
quddiem. Imbagħad fetħu u beda jniżżel xi noti.
“Kemm għandek żmien?” “Tnejn u għoxrin.” “Ċerta?” “Twilidt fis-6 ta’ Ottubru, 1923.” James niżżel id-dettalji fil-fajl, avolja sabha bi tqila biex jemmen li kienet għadha daqshekk żgħira, saħansitra iżgħar minnu.
“Għandek xi membri oħra tal-familja hawn?”
“Le, jien biss baqa’,” weġbitu, b’geddumha jirtogħod. “Għaliex ġejt il-Palestina?” “Qed jgħidu li hawn biss nistgħu nibdew mill-ġdid.” James mesaħ l-għaraq li kien reġa’ nġemagħlu fuq moħħu, u mbagħad qabad il-pinna u ssokta jikteb. M’għand- hiex ċans din l-imsejkna, qal bejnu u bejn ruħu. Il-kwota kienet intlaħqet u ftit biss kienu l-eċċezzjonijiet li kien awtorizzat jagħmel. In-nota ta’ kundanna għad- deportazzjoni kien tgħallimha bl-amment tant kemm kien ilu jikteb bħalha, fosthom xi tużżana dik l-għodwa stess. Fl- aħħar faqqa’ l-firma bombastika tiegħu mimlija nokkli u tidwir, niżżel id-data taħtha u għalaq il-fajl.
“Jiddispjaċini, Sinjorina, imma ma tistax toqgħod hawn.
In-numru stabbilit intlaħaq diġà,” stqarrilha James hekk kif
għolla għajnejh.
Il-mara ċċassat lejn idejh imserrħin fuq il-fajl. Donnha
ma fehmitx x’qalilha.
“Se nibagħtek Ċipru.”
“Ċipru?”
“Iva. Għandna kamp apposta għal immigranti bħalek.
Tibżax, meta jerġgħu jinfetħu l-bibien biex jidħlu aktar nies
fil-Palestina inti tkun magħhom,” ittanta jqawwilha qalbha
James.
F’daqqa waħda l-mara berrqet għajnejha, fetħet ħalqha
u bdiet titriegħed.
“Le! Ma rridx nerġa’ mmur f’kamp! Issa l-gwerra spiċċat.
Kif tista’ tgħidli li se terġa’ tibgħatni f ’kamp?”
James qam bilwieqfa u ħareġ minn wara l-mejda. Hi wkoll qamet minn fuq is-siġġu, middet pass ’il quddiem, u ħarset fiss f’għajnejh. “Sinjur, għandek revolver fuqek. Sparali, jekk jogħġbok. Irrid immut.”
Il-mara ntefgħet għarkupptejha quddiemu, għafset idejha ma’ xulxin, u bdiet tingħi u titbandal ’il quddiem u lura. Is-suldat li kien barra l-bieb daħal u qabad lill-mara minn taħt dirgħajha biex iqajjimha u joħroġha ’l barra. Hi u tissara mas-suldat, għajnejha ltaqgħu ma’ ta’ James għall-ewwel darba. Qatt ma kien ra għajnejn bħal dawk. Kienu suwed dlam, bħal twieqi imbarrati. Kienu qed ileqqu b’lega dmugħ, kważi kważi donnhom mirja, u l-abjad tagħhom kien aħmar nar.
“Ħalliha, Surġent,” qal f’daqqa waħda James. Is-suldat, b’wiċċu jlellex bl-għaraq, ta ħarsa lejn James, reħielha jdejha u għamel pass lura. Għal ftit sekondi ma nstema’ xejn ħlief it-twerdin u ż-żaqżiq tal-fann u n-nifsijiet tqal u ddisprati tal-mara.
James għamel sinjal lis-suldat biex jerġa’ joħroġ barra,
u baqa’ jħares lejn il-bieb għal ftit sekondi wara li ħareġ
sieħbu. Il-mara kienet għadha qed tolfoq b’dirgħajha t-tnejn
imgeżwrin magħha.
“Għandek xi professjoni?” staqsieha. “Kont infermiera,” weġbitu. Ma setgħetx tagħtih tweġiba aħjar. Kien hemm nuqqas kbir ta’ infermiera fl-isptarijiet.
“Ara x’se nagħmlu, Sinjorina Kaminski. Se nniżżel fil-fajl li qed tgħid li int infermiera. Ikollok bżonn tidher quddiem bord apposta biex jikkonferma. Dak il-bord, imbagħad, jiddeċiedi jekk tidħolx il-Palestina jew le. Tajjeb hekk?”
“Nibqa’ nafhulek, Sinjur! Grazzi ħafna!”
James ħareġ idu biex jeħdilha b’idha. Hi ħafnitha f ’idejha
t-tnejn u ressqitha lejn xufftejha, iżda hu kien pront ġibidha
lura.
“Shalom,” qalilha James, u tbissem ħarira.
“Shalom. Ma ninsa qatt li għamilt miegħi, Sinjur,” weġbitu Ruth.
Ġimgħa wara, James daħal għax-xogħol kmieni filgħodu
bħas-soltu. Fuq l-iskrivanija sab fjura iris vjola, pakkett
sigaretti u biljett li fuqu kien hemm miktub biss
in-numru “B19637”.
Fil-kamra numru 17 fl-ewwel sular tan-Notabile Hotel, Ruth
qed tħallas xagħarha, twil sa taħt spallejha, u mbagħad
tkebbu f ’nokklu, iddawru f ’qagħqa fuq wara ta’ rasha u tirfdu
bil-furfiċetti. Tikkunsidra wiċċha fil-mera, mislut iżda mhux
magħlub, u tinnota li tidher kemxejn pallida; is-swidija
t’għajnejha tispikka iktar mis-soltu. Qed tosserva figuritha, li
baqgħet irqiqa minkejja l-piż tal-età, u l-libsa bajda u sewda,
komma twila, sempliċi u eleganti, li ddeċidiet li tilbes.
M’għonqha għandha ġiżirana qasira tal-perli, u f’widnejha
par imsielet pariġġ.
Se tiltaqa’ ma’ James. Fl-aħħar irnexxielha trażżan il-biża’ u trabbi biżżejjed kuraġġ biex tfittxu. It-twissija biex ma titkellem ma’ ħadd kienu tawhielha żmien twil ilu, imma anke wara dawn is-snin kollha, kultant għadha tismagħha ċara f’widnejha. Ma tafx hix fissazzjoni tagħha imma, minn żmien għal żmien, tilmaħ dejjem l-istess par għajnejn iħarsu lejha f’xi supermarket jew fl-istazzjon tal-ferrovija. Kultant tinnota karozza bil-ħġieġ skur, tħuf fl-inħawi tad-dar tagħha. U t-tħaxwix fuq il-linja tat-telefown tagħha jħassibha ħażin …
Dejjem żammet lura, l-iktar għax ma xtaqitx iddaħħal lil
James fil-periklu, reali jew mistħajjel, li hemm iberren
f’moħħha. Iżda fl-istess ħin, il-kuxjenza qatt ma ħallietha bi
kwietha. James, jekk għadu ħaj, għandu dritt ikun jaf kif
u għaliex kienet sparixxiet minn ħajtu. Jekk ma tfittxux issa,
ta’ 67 sena, ma tfittxu qatt u jkollha tmut bir-rimors.
Tliet xhur ilu marret tindaga fl-arkivji tal-armata Ingliża
u saret taf li l-Kaptan James Young kien ħalla l-armata
volontarjament f’Mejju tal-1949. Wara dik id-data ma kien
hemm l-ebda traċċa tiegħu. Kulma kellha biex issibu kien
ismu, ritratt u memorja vaga li xi darba kien qalilha li kellu xi
familjari Malta.
Ma stennietx risposta daqshekk malajr għall-avviż tagħha
fit-Times ta’ Malta. U wisq inqas ma stenniet li jċemplilha hu
stess! Fuq it-telefown infixlet u bdiet tlaqlaq. Mill-banda
l-oħra, hu għadu b’leħnu sod, l-istess eżatt kif kienet tiftakru.
Fl-aħħar, wara dawn is-snin kollha, kienet se terġa’ tarah wiċċ
imb wiċċ.
Għadu l-ħin. Toħroġ fil-gallarija, tqabbad sigarett u tħalli
’l-memorji jeħduha f ’post ’il bogħod.
Bis-saħħa tal-intervent ta’ dak il-fizzjal Ingliż b’qalbu
tad-deheb, l-awtoritajiet Ingliżi kienu ħallewha tidħol
ġol-Palestina, u bagħtuha taħdem fi sptar tal-Gvern, f’Haifa
stess. Però ftit ġranet biss damet hemm, għax għodwa waħda
avviċinawha żewġt irġiel Lhud, li kienu jidhru tal-affari
tagħhom, u staqsewha kinitx interessata tieħu ħsieb raġel
marid f’siġġu tar-roti. Offrewlha d-doppju ta’ li kienet taqla’
l-isptar u aċċettat.
Xi ħmistax wara kienet is-suq, iddur biex tixtri tapit żgħir,
meta semgħet lil xi ħadd jgħajtilha b’isimha.
“Miss Ruth Kaminski.” Dak il-leħen. Ittatwat f ’moħħha.
Ruth daret u sabitu quddiemha.
“Kaptan! Bqajt tiftakar ismi?”
“James jiena. Qed nieħu gost narak. Kif int?”
“Iva. Bis-saħħa tiegħek. Napprezza ħafna li għamilt
miegħi dakinhar.”
“L-infermiera hawn bżonnhom; kont iffortunata. Nista’
nimxi ftit miegħek?” staqsieha James.
“Mela le, jekk trid. Sa tarf is-suq, imbagħad ikollna
ninfirdu.”
“Tajjeb. Isma’, skużani, kont xi ftit maledukat miegħek
meta —”
“Le, ma kontx maledukat. Dak kien xogħlok.”
“Ġibtli qalbi ġulġliena. Ma stajtx nibagħtek lura fl-istat
li kont.”
Ruth baxxiet rasha u ma tkellmitx. “Toħroġ?” “Ftit li xejn. Qed nieħu ħsieb pazjent u marid ħafna: irid lil xi ħadd miegħu l-ħin kollu. Bħalissa kelli nħallih ma’ xi ħadd biex ħrabt ħarba nixtri,” wieġbet Ruth.
“Nixtieq insir nafek ftit aħjar,” qalilha bi tbissima James. “Lili?” “Mhux miegħek qed nitkellem?” “Napprezza l-kumpliment, imma żgur li m’iniex daqshekk interessanti għalik —”
Ma laħqitx spiċċat il-kelma għax tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod minn fejn kienu qam storbju sħiħ. Xi nies ġew fl-idejn u xi frott u ħaxix xtered mal-art fost l-għajjat u t-theddid. Kienu waslu fit-tarf tas-suq u ħaffew ’il barra, iserrpu qalb il-merħliet tal-mogħoż u l-ħmir mgħobbija bil-merċa.
“Wasalt jien. Se jkolli nħallik,” qaltlu Ruth. “Fejn toqgħod, Ruth? Nista’ nwasslek,” qalilha James. “Aħjar le. Hawnhekk mhux postok. Grazzi daqslikieku,” qaltlu Ruth bi tbissima.
“Nista’ nerġa’ narak?” Ruth ħarset lejn il-qoffa li kellha mrikkba fuq driegħha.
Wara mument, ħarġet tgedwida minn bejn xufftejha: “Niġi s-suq kull nhar ta’ Ħamis. Shalom.” “Narak il-Ħamis mela. Shalom.”
Ruth titfi s-sigarett, tqum bilwieqfa u b’għajnejha tiknes il-veduta panoramika minn fuq is-swar tal-Imdina. Kemm għadda żmien! M’għandix dubju li kien iżżewweġ, u probabbli llum nannu ta’ ċorma tfal. Min jaf għadux jagħrafni?
James joħroġ mill-banju mleffef fil-ġagaga tax-xugaman u
jieqaf quddiem il-mera. Jinnota li spuntawlu żewġ sufiet
bojod fix-xagħar ta’ fuq għajnejh, u b’għajnejh u xufftejh
imbexxqin jaqtagħhom bil-ponta ta’ mqass irqiq. Kif qiegħed
fiż-żifna jittrimmja daqsxejn il-mustaċċi wkoll. Operazzjoni
delikata li trid attenzjoni kbira. Il-mustaċċi qatt ma jridu
jkunu jmissu max-xufftejn. Jiċċekkja, għal darba darbtejn, li
m’għandu ebda sufa ġerrejja ħierġa minn imnieħru u jerġa’
jifli r-riflessjoni tiegħu fil-mera.
Id-dixxiplina kellha għeruq fondi ġo fih, imnibbtin
fiż-żmien li kien qatta’ fil-militar, f ’żgħożitu. Dam fl-armata
sa erba’ snin wara l-gwerra, imbagħad żarma, ġie Malta
u fetaħ ħanut tal-gazzetti l-Belt. Baqa’ jgħix waħdu u baqa’
ffissat fuq il-preċiżjoni u r-rutina. Iqum fis-sitta ta’ filgħodu,
sajf u xitwa, imur jimxi u jagħmel 30 push-up kuljum. Jiekol
bil-qies u għandu l-menù ffissat ġurnata b’ġurnata.
Kull ġurnata jippjanaha sew u jalloka ħin għal kollox, u ma
jkunx hu jekk ma jmiddx rasu fuq l-imħadda fil-ħdax ta’
billejl bumm. Kollox bil-ħin. Għall-indafa pittma wkoll.
Iżomm daru nadifa xummiema u ħwejġu dejjem nodfa
u mgħoddijin, u fejn hemm bżonn illamtati. Iż-żarbun,
m’għandniex xi ngħidu, tara wiċċek fih.
L-appuntament li għandu llum ma kienx ippjanat.
Jagħti ħarsa ħafifa lejn l-arloġġ, jilbes it-tibdila li kellu ppreparata fil-kamra tas-sodda u jerħilha lejn l-Imdina. F’nofs triq jieqaf għand tal-gabbana tal-fjuri u jixtri bukkett iris vjola.
Hu u jsuq, James qed iġib quddiem għajnejh lis-sbejħa
Ruth, lura fiż-żmien.
Intilef warajha minn dik il-ġurnata li ltaqa’ magħha l-ewwel
darba fis-suq. Bilkemm kienet tingħaraf mill-gozz għadam li
kien kellem fl-uffiċċju tiegħu ftit ġimgħat biss qabel. Kellu
ħerqa kbira biex jerġa’ jiltaqa’ magħha, isir jafha aħjar u forsi,
min jaf?
Fl-aħħar wasal il-Ħamis u James, liebes pajżan, sab ruħu
s-suq b’għajnejh attenti, ifittex ’il Ruth minn bejn
it-tgeżwir abjad tal-Għarab u l-kpiepel suwed tal-Lhud.
L-atmosfera kienet bieżla u kaotika, geġwiġija ta’ ilħna
jtaqtqu, uħud bl-Għarbi, oħrajn bl-Ebrajk, kultant anke xi
ħaġa bl-Ingliż. Ħwienet żgħar wieħed fejn l-ieħor; tined
jgħattu merċa ta’ kull xorta; xogħol tal-fuħħar u tal-bronż
imferrex mal-art; u frott u ħaxix esibiti fuq it-tilari. Kristjani,
Musulmani u Lhud kienu qed jinnegozjaw u jargumentaw
f ’kull rokna tas-suq, u kull fejn tħares kien maħnuq bin-nies.
James sab ruħu jitkaxkar mal-folla u kien se jaqbdu ferħ ta’ ġenn bl-għajjat f’widnejh, tfal u klieb jiġru ma’ saqajh, u nies jaħbtu fih mingħajr l-iċken sinjal ta’ dispjaċir jew kelma ta’ skuża. Il-konfużjoni u l-folol minn dejjem kienu jinnervjawh. Beda jtella’ u jniżżel imurx lura l-barracks, iżda d-deċiżjoni ħadithielu Ruth hekk kif lemaħha ġejja minn triq fil-ġenb. Ħass qalbu tħabbat bi ftit iktar urġenza, u telaq jgħaġġel lejn id-direzzjoni li kienet qabdet, jofroq in-nies minn quddiemu mingħajr ma jitlaqha mill-ħarsa t’għajnejh. “Shalom, Sinjorina Kaminski,” qalilha f ’widintha James hekk kif wasal eżatt warajha.
“Shalom, Kaptan,” qaltlu Ruth qabel ma daret lejh u tbissmitlu. “Ilek hawn?” “Le. Ftit minuti,” gideb James. “Ma nistax indum illum,” qaltlu waqt li baxxiet rasha. James kien għadu qed iħares fiss lejn wiċċha. “Is-soltu nixtri l-ħaxix mingħand wieħed jarma hawn wara. Tiġi miegħi?”
Imxew flimkien bla ma qalu kelma, issa f’parti iktar
kwieta tas-suq, qalb l-artiġjani jtektku u jsammru, ħwejjeġ
imdendlin iperpru maż-żiffa, qawsalla ta’ kuluri jgħajtu fil-
basktijiet tal-ħwawar, u riħa taqsam ta’ kafè inkaljat maż-
żerriegħa tal-kardamomu.
Ruth xtrat li kellha tixtri u huma u mexjin lura semgħu
sparatura. In-nies bdew jgħajtu, jiġru u jitferrxu, u minn
imkien bdew jitfaċċaw il-pulizija. James qabad lil Ruth minn
driegħha u ġibidha lejn daħla fi sqaq mudlam.
“James, aħjar ma tiġix ’l hawn iktar. Hawn sens ta’ rabja
kbira kontra l-armata Ingliża. Tilbes jew ma tilbisx l-uni-
formi, xorta waħda tidher li int uffiċjal Ingliż.”
“Tinkwetax għalija, Ruth. Dan logħob tat-tfal ħdejn dak li
għaddejt minnu fil-gwerra.”
Ruth tgeddset taħt dirgħajh, u stennew siekta sakemm
beda jbatti l-istorbju fit-toroq tal-madwar.
“Sarli l-ħin, James.”
“Ruth. Kif għedtlek l-aħħar darba, nixtieq insir nafek ftit
aħjar. Imma rrid narak xi mkien fil-kwiet, mhux f’dan
il-ġenn. X’tgħidli?”
“Ħmm, nistgħu niltaqgħu ftit, jekk trid.”
“Meta?” “Nhar il-Ħadd filgħodu għandi nofstanhar frank.” “Tajjeb. Ikun is-6 ta’ Ottubru, għeluq sninek. Nippreparalek sorpriża.” U tbiegħdu minn xulxin b’ħarsithom fuq xulxin, Ruth b’għajnejha miftuħin beraħ u James bi tbissima mqarba fuq fommu.
James jasal fil-parkeġġ ta’ quddiem l-Imdina, iħares lejn
l-arloġġ u jsib li qiegħed erbgħin minuta kmieni. Jerħilha
lejn is-sur u joqgħod jifli d-dettalji tal-veduta ta’ nofs Malta
quddiemu, tkanġi fil-kuluri bejn isfar dehbi, kannella
mdennes u sfumaturi differenti ta’ aħdar, taħt sema bla sħab
u bil-baħar ileqq fil-bogħod. Fl-aħħar jixba’, idur u jaqbad
il-pass lejn il-lukanda.
Jasal fil-pjazzetta mwarrba ta’ quddiem in-Notabile Hotel,
jirranġa l-ingravata u jidħol. Il-bank tar-reception qiegħed
fuq ix-xellug, u quddiemu hemm salott kbir mimli pjanti
kbar jixxaħxħu fid-dawl naturali dieħel minn saqaf
tal-ħġieġ. James ipoġġi bilqiegħda fuq sufan, u minnufih
waiter qsajjar joħroġ minn fejn il-bar u jersaq lejh.
“Inġiblek xi ħaġa x’tixrob, Sinjur?”
“Le, le, grazzi. Qed nistenna ’l xi ħadd. Imbagħad nordnaw
flimkien iżjed tard.”
Tgħid għamlet sew fittxitu, wara dawn is-snin kollha? Kif se
jeħodha? Tgħid kien ikun aħjar kieku ħallietu jkompli jgħix bi
kwietu, issa li t-tnejn waslu fl-għabex ta’ ħajjithom?
Tiftakar fis-sorpriża li kien għamlilha f’għeluq sninha,
meta għalqet tlieta u għoxrin, u titbissem kemm kemm.
Fil-kantuniera fejn kellhom jiltaqgħu kien qed jistennieha
f’Jeep bis-saqaf mikxuf. Ta’ ġentlom li kien (tgħid għadu?),
James niżel u ġie jiftħilha l-bieba. “Xewqat sbieħ f’għeluq
sninek, Sinjorina Kaminski!” Imbagħad saq ’il barra
mill-belt, lejn xatt il-baħar. Tqanqila ħelwa tar-riħ bdiet
tfewweġ ma’ xagħarha li kien qed jikber mill-ġdid, u x-xemx
sħuna bdiet iżżiegħel biha fuq wiċċha. James kien jidher
fis-seba’ sema: raġel fih daqs dinja jfur bl-entużjażmu ta’
tifel żgħir.
Ix-xtajta kienet ramlija, vojta min-nies, u tibqa’ sejra
’l bogħod sa fejn iwasslu għajnejk. James u Ruth niżlu sa tarf
ix-xatt, neżgħu ż-żraben u bdew mexjin ħafjin fuq ir-ramel
frisk, jieħdu pjaċir bit-tmellis tal-mewġ fuq paliet saqajhom.
Iż-żiffa tielgħa mill-baħar kienet pjuttost kiesħa u Ruth bdiet
tħoss il-bard. “Għandek bżonn tiġri ġirja ħa tisħon,” qalilha
James. “Ejja ara jirnexxilekx taqbadni.” U telaq jiġri u jidħaq
quddiemha. Hi għall-ewwel iċċassat lejh, imbagħad għolliet
spallejha u telqet tlebbet warajh. James beda jħalli distanza
żgħira bejniethom, kultant idur iħares lejha u jinfaqgħu
jidħqu, imma ma bediex iħalliha taqbdu u baqgħu jiġru
sakemm spiċċaw it-tnejn li huma bla nifs. Fl-aħħar James
fetaħ dirgħajh u għannaqha, u mbagħad intefgħu ċomba
bilqiegħda fuq ir-ramel iħarsu lejn l-orizzont iferraq is-sema
u l-baħar.
James dar lejha mbissem, u beda jmellsilha xagħarha u wiċċha. Għall-ewwel ħassitha imbarazzata; ma felħitx tħares lejn għajnejh u dawret wiċċha n-naħa l-oħra. Imma bil-mod il-mod il-karezzi ta’ dan il-ġolf ġentili li salvaha mid-deportazzjoni bdew jaqtgħu xi ftit mill-inġazz ta’ ġo fiha. Inġibdet ftit xħin resaq biex ibusha, imma l-għafsa ħafifa ta’ xofftejh fuq xofftejha kompliet iddewbilha ftit ieħor silġ.
James qam bilwieqfa u neża’ ħwejġu ta’ fuq. “Jien sejjer
ngħum. Ġejja?”
“Jiena le, mhux se ngħum,” weġbitu Ruth.
F’salt wieħed moħħha ħarab lejn l-infern li għexet fih
f’Dachau. Ftakret f’meta kienet man-nisa l-oħra fil-bitħa
tal-kamp, kollha għarwenin, bilwieqfa għal sigħat sħaħ
fil-kesħa u x-xita u r-riħa ta’ biża’, bil-gwardjani jiddieħqu
u l-klieb ifferoċjati jinbħu …
“M’hawn ħadd, ta,” insista James. “Le, James. Ma ġejtx liebsa biex ngħum.” Ġew quddiem għajnejha ż-żewġ suldati rġiel li qaxxruha bħalma jġiżżu n-nagħaġ, jikxfu snienhom u jirredikolawha huma u jisirqulha l-aħħar xrara ta’ dinjità li kien fadlilha. F’Dachau ma baqgħetx mara. Kienet saret dudu tal-art li jintrifes taħt is-saqajn.
“Lanqas ruħ m’hawn! Għum bil-ħwejjeġ ta’ taħt.
Sabiħ tant il-baħar illum.”
“Għedtlek le, ma rridx ngħum, James. Aħjar ma ġejt xejn,
ara.”
“Ej, ej, Ruth. Skużani ma ridtx niffittak. Mhix problema,
ma ngħumux. Tridx immorru lura lejn il-Jeep ħa tara
s-sorpriża li ppreparajtlek?”
“Mela mhux il-ħarġa kienet is-sorpriża?” “Eħħ, għadek ma tafux lill-Kaptan James Arthur Young!” Imxew lura id f’id. James tela’ fil-Jeep, ħareġ basket kbir minn wara s-seat u fetħu. L-ewwel ħareġ dvalja, imbagħad srievet, platti, tazzi u pożati. Wara beda ġej kull tip ta’ ikel: insalata tal-kuskus u ċ-ċiċri, u oħra tal-patata, hummus bit- tahini, żebbuġ, tadam, ġobon tal-mogħża, bżar aħdar mixwi, ħobż pita, tamal, klementin, xi ħlewwiet, u kien ġab l-inbid ukoll. Ruth ħassitha qisha reġina. Qatt ma ċċelebrat għeluq sninha daqshekk bil-kbir.
“X’qed taħseb sabiħ?” staqsieha waqt li kienu sejrin lura
l-belt.
Ruth kienet qed taħseb li l-Kaptan James Arthur Young
kien raġel fuq l-irġiel. Li bis-saħħa tiegħu kienet qed tħossha
umana, mill-ġdid. U li bis-saħħa tiegħu kienet qed tiftakar xi
tfisser li tkun mara. Imma ma qaltlu xejn minn dan.
“Ngħidlek il-verità qed nitħasseb fuq il-pazjent tiegħi.
Marid sew, u meta nitilqu għal tul ta’ ħin ninkwieta li jiġrilu
xi ħaġa.”
“Nifhmek. Narak il-Ħamis?”
“Jekk ma jinqala’ xejn,” wieġbet Ruth hekk kif James
wassalha sal-kantuniera tat-triq.
James jiċċaqlaq ftit fuq is-sufan u jerġa’ jħares lejn l-arloġġ.
Fadal għaxar minuti. Iħares lejn difrejh u jinnota li,
għalkemm maqtugħin qosra, diġà bdew jispuntaw xi ftit
iżżejjed. Jisħet il-mument li ma ċċekkjahomx filgħodu.
Iħares lejn il-bukkett tal-iris u jiftakar f ’okkażjoni oħra meta,
l-istess bħal-lum, kien qed jistenna ’l Ruth.
Il-Ħamis ta’ wara l-ħarġa mar biex jiltaqa’ magħha s-suq
bħas-soltu. Dam ħafna jgħarrex, iżda ma seta’ jaraha mkien.
Qatagħha li jimxi lejn l-inħawi ta’ Wadi Salib, fejn kien
iħalliha meta jinfirdu.
Kien hemm ħafna tensjoni fit-toroq dakinhar. Beda jara xi
rġiel iħufu ’l hawn u ’l hinn u kienu armati. Mexa b’rasu
baxxuta u b’mod każwali, biex kemm jista’ jkun ma jagħtix
fil-għajn, għalkemm ma kinitx ħaġa faċli minħabba
l-istatura tiegħu. Ħin minnhom deherlu li lemaħ lil Ruth
dieħla fi blokka appartamenti. Ma kienx ċert rax sew, imma
xorta ġibed ’l hemm u daħal ġewwa.
Il-bini kien miftuħ fuq l-arkati, u bla twieqi. Kien hemm
xi tfal jilagħbu fit-taraġ, u kif rawh waqfu mil-logħob u
ċċassaw lejh. Induna li tnejn minnhom kienu qed iħarsu ’l
fuq, u fil-pront instema’ bieb jinstabat. James ma tilifx żmien;
ħareġ żewġ xelini mill-but, xeħethom lejn it-tfal u kif
sfrattaw biex ifittxu l-muniti hu għadda minn maġenbhom u
beda tiela’ t-taraġ tnejn tnejn. L-ewwel sular kien jidher qisu
abbandunat: bibien u twieqi maqlugħin, trabijiet, imbarazz.
Intant minn fuq kienu għadhom jinstemgħu xi ħsejjes, u
James beda tiela’ indana oħra taraġ.
F’daqqa waħda tfaċċa raġel minn imkien li waqaf f ’nofs it- taraġ quddiemu u għalaqlu t-triq. James ipponta biex jibqa’ tiela’, iżda dak rabat idejh u ma ċċaqlaqx. “No come here,” qallu. Qalb James għamlet tikk. Kien kważi ċert li Ruth kienet f’dak il-bini, u l-ambjent t’hemm ġew xejn ma kien qed jogħġbu. Xi ftit jiem qabel, ir-ribelli Lhud kienu ħatfu t-tifla ta’ mħallef Ingliż u, bla ma ried, moħħ James beda jaħseb fil-ħażin.
Dak li kellu quddiemu kien fih raġel, jidher b’saħħtu
u mdorri jiġġieled. Biss James kien imħarreġ sew u kellu ħila
kbira fil-kumbatt fiżiku. Kif il-ġolf ta’ quddiemu aljena ruħu
nofs mument b’ħoss minn isfel, James ħasdu b’daqqa ta’ ponn
fuq wiċċu, imbagħad oħra fl-istonku, u mbagħad ħatfu minn
ħwejġu u tefgħu jitgerbeb għal isfel. Tela’ jiġri l-aħħar tarġiet,
qabad il-kuritur u baqa’ dieħel ’il ġewwa sakemm wasal
quddiem bieb tal-ħadid. Ipprova jittawwal mis-serratura, iżda
ma ra xejn, u minn wara l-bieb ma kien jinstema’ ebda ħoss.
Stenna ftit sekondi, imbagħad ħabbat.
Tista’ tkompli taqra billi tixtri Innuendo minn hawn.