Aqra silta minn “Castillo”

Clare Azzopardi

Dak kien skiet ieħor


Jien imdorrija fis-skiet.

Lanqas xejn ma jdejjaqni. Qattajt ħafna snin hekk, bilqiegħda fuq is-sufan l-aħmar. Il-mamà telqet meta kelli seba’ snin u ħallietna warajha. Lili, lill-papà u s-skiet. Qisna xi ritratt. Minn dawk li kellna fuq it- tavolina ta’ ħdejn is-sufan. Anki dawk ħalliethom warajha. Siekta. Donnha għamlet apposta, biex tinki, biex nibqgħu niftakru li xi darba kien hemm hi.

Mhux li konna familja li tieħu ħafna ritratti, jiġifieri mhux li konna familja li tieħu gost tiddokumenta dawk il-mumenti ferrieħa biex imbagħad tiffrejmjahom u minn żmien għal ieħor toqgħod tħarsilhom u tilludi ruħha li xi darba kien kollox sabiħ u straordinarju, kien kollox mimli bl-istorbju u l-ħajja. Ma kellniex wisq ritratti fuq it-tavolina, imma l-ftit li kellna kienu jiġbru l-uċuħ serji u l-waqtiet skomdi tal-familja kollha tiegħi.

Kien hemm dak tal-magħmudija, bil-mamà qed tħares lejn il-qassis li kien qed iħares lejn il-papà li kien qed iħares lejja. Kien hemm dak man-nanna Ġanna fil-kċina. Jien kont fil-pushchair qed inħares lejn il- pupa, in-nanna bilqiegħda fuq siġġu qed tħares lejja, u l-mamà b’idha mad-dahar tas-siġġu qed tħares ħarsa ordinarja. Ieħor tiegħi bl-uniformi fl-ewwel ġurnata tal- iskola. Ittieħed fl-intrata u kien ritratt skur u mżelleġ, imma jien kont nidher se ntir bil-ferħ. Kien hemm ieħor tiegħi u taz-zija Cathy: iz-zija b’ħarsa mqarba tħares lejja u jien b’libsa ffjurita qed nimbotta premm tal-pupi. U kien hemm ieħor meħud fl-istess ġurnata, bija, il-mamà u z-zija Cathy bilqiegħda fuq liżar fuq il- ħaxix. Cathy kienet qed tħares lejja u tipponta sebagħha lejn Anne, jien kont qed inxejjer lil Anne li kienet qed tieħu r-ritratt u l-mamà kienet qed iżżomm il-kappell ta’ fuq rasha u tħares lejn is-sema. Ieħor kien hemm fih jien, il-papà u n-nanna Ġuż fil-parapett tad-dar tan- nanna. Kienet ħaditu l-mamà u kienet qed tgħidli biex nitbissem, imma jien kont qed nagħmel eżatt l-oppost. Il-papà kien jidher mitluf, qed jaħseb f’xi ħaġa li qatt ma qalli x’kienet. In-nanna Ġuż kellha idha fuq spallti u f’għajnejha mkemmxa kien hemm ħarsa kalma u kemm kemm imnikkta.

Imbagħad, kien hemm ritratt tal-papà u sħabu l-pulizija mal-Kurunell Muammar Gaddafi. Kien jistona ħdejn il-kumplament tar-ritratti, imma kont inqatta’ ħin twil inħares lejn it-tul straordinarju tal- Kurunell, l-ilbies abjad, il-medalji, il-kappell, xufftejh imċarrta, imwessgħa, il-mustaċċi rqaq. Dal-bniedem li ġie Malta ħafna drabi, donnu kien jieħu ritratt ma’ kulħadd għax naf ħafna nies li kellhom wieħed miegħu. Il-papà tal-ħabiba tiegħi Glorianne kellu wieħed fi frejm tal-fidda fuq gradenza fl-intrata. Kull darba li kont immur għandha kont nieqaf inħares lejh u noqgħod nimmaġina x’kienu jfissru għalih dawk il-ftit sekondi. Id-Dekan tal-Fakultà tal-Arti kellu wieħed imdendel fl-uffiċċju u meta darba qabadni nħares lejh kien qalli li dik kienet l-ewwel żjara tal-Kurunell f’Malta u kien baqa’ jiftakar li meta ħadlu b’idu, kienet kiesħa silġ. Iz-ziju ta’ missier Matteo wkoll kellu wieħed u Matt jgħidli li kull darba li kien imur għandu kien jieħu gost jisma’ l-istorja ta’ dan ir-raġel li kien jgħix taħt tinda. Tommy Grech, ir-raġel ta’ Ġina, kien jaħdem fil-Palazz ta’ Sant’Anton fejn il-Kurunell Muammar Gaddafi kiel is-Sibt 22 u l-Ħadd 23 ta’ Mejju tal-1976. Min jaf x’kien sajjarlu, jew x’kien servieh? Naf żgur li kellu ritratt miegħu mdendel fl-intrata. Dennis Castillo kien iltaqa’ miegħu għax kien Spettur tal-Pulizija u kien iżomm ir-ritratt mal-Kurunell fuq l-iskrivanija. Mhux l-ewwel darba li kien jinqabad fi skiet stramb iħares lejh.

Il-mamà ħallietni mal-papà u r-ritratti ta’ fuq it-tavolina fis-6 ta’ Jannar tal-1987. Kellhom jgħaddu ħamsa u għoxrin sena biex immur inħabbtilha l-bieb fi Triq Kromb il-Baħar, il-Għargħur.

“Is-Sinjura Barbara?”
“Iva.”
“Is-Sinjura Emma Barbara?”
“Iva.”
“Jien … Jien Amanda. M’intix tagħrafni?” “Amanda?”
“Iva, Amanda.”
“Amanda tiegħi?”
“    ”
“Amanda, ruħi! Kemm kbirt!”
“Ħeqq għaddew ftit snin … għaddew ftit mhux ħażin.”

Baqgħet tħares lejja, lejn kull linja fuq wiċċi, qisha kienet qed tipprova tara tagħrafx xi waħda minnhom. F’dik il-kesħa u s-sikta tal-Għargħur f’Jannar, ħallejtha ttella’ idha l-leminija u tmissli wiċċi bħal xi ħadd nieqes mid-dawl, mhix ċerta jekk dak li qed tmiss kienx tassew wiċċ bintha.

“Se nibqgħu hawn, fuq l-għatba, fil-ksieħ?”

Jien imdorrija fis-skiet.

Imma dan kien skiet ieħor, skiet skomdu u jien ma kontx naf kif kelli nġib ruħi. “Se nħallik, għalissa, fil-każ. Niġi darb’oħra. Meta l-aħjar niġi? Xi darba filgħodu forsi?”

“Idħol, ara, idħol. Isa għax haw’ bard e, kemm kesaħ dal-aħħar hux? Kemm kbirt! Tarax it-taqlib u l-imbarazz u hawn ġenn, ħanini, għax ili ftit ma niżbarazza. Proprja proprja kont bdejt niżbarazza imma jien kollox bil-mod u haw’ wisq, m’intx tara? Skużani qiegħda b’ta’ ġewwa. ’Qas naf kif jien proprjament.”

“Mhux se ndewmek, tibżax, Sinjura Barbara.” “Emma. Jiena Emma.”

Għax kif taqbad tgħidha l-kelma ma? Kif tispelliha? Ma. Ma-mà. Em-ma.

“Amanda.”

Kienet kważi surreali dik l-ewwel laqgħa magħha.

“ ’Ħabba d-dar.”
“Kif ?”
Għidtilha bid-dar, bil-papà. “Kif nagħmlu l-aħjar?”
“Xiex?”
“ ’Ħabba s-sehem tiegħek. Taf int.”
“Int xi trid, ħanini?”
“Ħeqq, il-flus. Għandi bżonn il-flus.”
“Żomm kollox mela; jien ma rrid xejn.”
“Tgħidx affarijiet li wara jiddispjaċik li tkun għidthom.”
“Jien żmagata issa. M’għandi bżonn xejn.”
“F’dak il-każ irridu nissetiljaw il-karti.”
“Għidli int.”
“U hemm xi affarijiet għadhom tiegħek. Mhux wisq. Imma għad fadal xi ħaġa. Forsi trid tiġi tara x’hemm?”
“Għadda ħafna żmien. La ma ġejtx bżonnhom f ’daż- żmien kollu —”
“Ħamsa u għoxrin sena.” “Ilu daqshekk?”
“Iva.”
“Amanda —”
“Ma tridx tara x’fadal?”
“Xi tridu jifdal?”
“Forsi għad hemm xi ħaġa mill-ewwel ftit snin ta’ ħajti miegħek?”
“Amanda, ħanini —”
“Ma trid xejn? Naħseb aħjar niġi darb’oħra, xejn xejn tilħaq taħsibha sew.”
“Issa, la ġejt, ibqa’ ftit ieħor. Għandi kollox sottosopra, skużani, jaħasra kieku avżajtni, kont nilħaq niżbarazza ftit, kont innaddaf ftit ukoll.”
“Tibżax, mhux se ndum, għandi fejn immur.” “Għandek fejn tmur?”
“Ara, m’hemmx għalfejn niddeċiedu fuq id-dar illum imma jekk trid —”
“Noffrilek xi ħaġa?”
“Mhux se ndum wisq.”
“Iwa x’jogħġbok? Te, kafè, luminata?”
“Il-papà … smajt li —”
“Rajtha fuq il-gazzetta.”
“Bata wisq lejn l-aħħar.”
“Gallettini, biċċa kejk, frotta?”
“Spiċċa jagħmel taħtu.”
“Belgħa te, kafè, magg soppa inkella?”
“Imma taf li fl-aħħar beda jpaċpaċ iktar?”
“Min? Robert? Iva poġġi naqra.”

Poġġejt fuq is-siġġu b’riġlejja marsusin ma’ xulxin bil-handbag f’ħoġri. Tlabtha tazza ilma. Munzelli ta’ karti kienu miġmugħin f’kull rokna, kotba mitluqin ’l hawn u ’l hemm, gazzetti, turruni sħaħ, kull fejn tħares, kikkri u platti fis-sink u fuq il-ħoġor, biċċiet tal-platti mdennsa u mtebbgħa bi dbabar kannella, imdendla mal-handle tal-cooker u ma’ xi dahar ta’ siġġu.

“Kif tridu? Kiesaħ?”
“Jekk għandek kiesaħ aħjar.”

Il-friġġ kienet mifqugħa bl-affarijiet. Imdellka wkoll. Wara li ħarġet l-ilma u ferrgħatli tazza, qabbdet il-kitla għat-te. Kif fetħet tagħli, ferrgħat l-ilma fil-magg, fetħet il-friġġ għall-ħalib u bil-fixla, naħseb li nsiet għaliex kienet fetħitha. Reġgħet għalqitha. Neħħiet it-teabag mill-magg u donnha reġgħet ftakret li riedet il-ħalib. Fetħet il-friġġ u ħarġet il-juice minflok. Poġġiet faċċata tiegħi, hi bil-magg, jien bit-tazza. Qomt, ftaħt il-friġġ u ħriġtilha l-ħalib. M’għidna xejn. Is-silenzju baqa’ jinki bejn boqq’ilma u belgħa te. Nixtieq ħadtilha ritratt biex wara noqgħod nistudja l-ħarsa tagħha. Staqsietni hux se nibda mmur ta’ spiss. Minn tant mistoqsijiet li setgħet tistaqsini, kellha tkun din? “Jaqaw ma tridnix niġi?” għidtilha.

“Dażgur li rridek tiġi.”
“Nibdew nimlew il-vojt —”
“Ma nafx xi trid mingħandi, imma, ħanini.”
“Nimlew is-skiet.”
“M’iniex nifhmek —”
“Il-vizzju tas-skiet —”
“Ħanini —”
“Tista’ ma tgħidlix ħanini jew ruħi jew affarijiet oħra bħal dawn?”
“X’naqbad ngħid allura?”
“Amanda.”
“Huwa mod kif tgħid xi ħaġa, mhux hekk?”
“Idejquni.”
“Lanqas inkun naf li qed ngħidhom. Iva, ħa nagħmillek ftit kafè wkoll.”

Anki jekk m’għidtilha xejn, qamet tqabbad il-kitla, ħarġet kikkra, ħarġet il-kafè, qabdet kuċċarina mis-sink, tefgħet ftit kafè u stenniet il-kitla tagħli. Imbagħad qaltli, “U ħu naqra gallettina Amanda.”

Ma missejt xejn ma’ ħalqi mill-gallettini li offrietli. Gallettini tal-coconut biċ-ċikkulata. Tad-Devon minn tant?! Jaqq. Il-kikkra tqażżiżtha għax kienet imxellfa u mdellka. Xrobt xorta. Mhux wisq. Inqbadna nħarsu lejn xulxin minn wara l-kikkri. Ġie waqt ċkejken meta kelli aptit ninfexx ngħajjat, jew forsi nibki. Lanqas għadni ċerta liema mit-tnejn. “Kif se nibqgħu fuq id- dar allura?” Imma ma weġbitx u minflok qagħdet tħares lejn id-disinji ta’ fuq l-inċirata.

“Naf nutar tajjeb, jekk trid naraw kif nistgħu nissetiljaw il-biċċa. Tajjeb għalik?”
“Kif trid, Amanda.”

Bdiet tiflili l-mossi u bdiet tagħmilha ovvja. Qbadt il-kikkra, tellajtha bil-mod sa xufftejja, xrobt kemm kemm — ħanina kemm kien ħażin, kafè tal- qamel — poġġejtha lura bil-galbu, bla ħoss, fil-ħofra tonda fin-nofs tal-plattina.

“Kemm għidtli għaddew b’kollox, ruħi?”
“Qatt m’għaddejthom? Ħamsa u għoxrin sena.”
“Twenty-five? In-numru tal-bieb ta’ Ġina.”
“Xiex?”
“Xejn, xejn, ħanini. Jien qed niżmaga tafx? Għall-bidu kont ngħoddhom, iva, imma mbagħad waqaft.”
“Jien qatt ma waqaft.”
“Imma mal-papà kont tajba, le?”
“Iva.”
“U issa ġejt … ġejt …”
“Ġejt ’ħabba d-dar. Imma naħseb li issa sar il-ħin. Fil-każ tagħtini ftit in-numru tal-mowbajl u nċempillek?”
“Il-bieb dejjem miftuħ. Ejja meta trid. Forsi darb’oħra jkun hawn John, illaqqgħek miegħu kieku.”
“John?”
“Iva ħu naqra ta’ gallettina, Amanda!”

Ma riditx tisma’ fuq id-dar tiegħi u tal-papà. Ma riditx tiġi tmiss l-għabra ta’ fuq ir-ritratti, tara l-għanqbut ta’ snin ilu. Qtajtha li jekk mhix se tiġi hi, se nibqa’ mmur inħabbtilha l-bieb u rroddilha l-memorji jien. Ma nafx kinitx l-iktar deċiżjoni għaqlija.

Spiċċajt il-ftit kafè ħażin li kien fadalli u qomt biex nitlaq. Qaltli li jekk immur filgħodu jkun aħjar. Għidtilha li filgħodu diffiċli. Ma ridtx nuriha li ma naħdimx, li għandi tifla, li qed nieħu ħsiebha kif suppost, li ma rridx inħalliha warajja lanqas għal minuta waħda biss. M’għidtilhiex fuq Matteo, fuq kif iltqajna. Ma qaltlix għaliex telqet, kif telqet. M’għidtilhiex li kienet nanna. Ma qaltlix għaliex ma ħaditnix magħha. Kienu għaddew wisq snin u jien kont tfaċċajt quddiem il-bieb tagħha għal għarrieda. Mhux lakemm taqbad timla l-vojt ta’ ħamsa u għoxrin sena, hekk, ċumm bumm. M’għidtilhiex kemm kont nibki waħdi fil-kamra tas-sodda, l-iktar meta konna nagħmlu l-kartolina tal-Mother’s Day fil-klassi u l-għalliema kienet tgħidli biex nagħmilha xorta waħda u nagħtiha lill-papà. Imbagħad il-papà kien ipoġġiha fuq it- televixin u konna npoġġu fuq is-sufan inħarsu lejha fis-skiet. M’għidtilhiex kemm kont ngħir għal sħabi li kellhom mamà. Ma qaltlix fuq Cathy Penza u fuq Dennis Castillo. Ma qaltlix li qatlet. Ma qaltlix li qatlet żewġt irġiel ’ħabba Cathy. Wieħed Tommy, ir-raġel ta’ Ġina li kienu joqogħdu fit-twenty-five u l-ieħor Dennis, l-Ispettur. Din qalthieli wara. Qalthieli meta rabbejna ftit tal-kunfidenza u ftit iktar fiduċja f’xulxin. Imma kien ikun aħjar li kieku ma sirt naf xejn.

Tista’ tkompli taqra billi tixtri Castillo minn hawn.