Qniepen foloz

Fil-ħajja ta’ kuljum spiss insibu ruħna nikkwotaw xi qawl jew ieħor. Il-qwiel, l-idjomi u l-espressjonijiet huma għerf kollettiv, li jgħaddu minn ġenerazzjoni għall-oħra u, fis-sempliċità tagħhom, jgħinuna ninnavigaw it-traġitt tal-ħajja. Ħafna minnhom ilhom ġejjin mijiet ta’ snin, imma fl-aħħar 30 sena l-mod kif ngħixu u ninteraġixxu ma’ ħaddieħor inqaleb ta’ taħt fuq. L-għerf tal-passat għandu validità fl-univers diġitali, jew għandna bżonn gwidi ġodda biex jgħinuna ninnavigaw din id-dinja ġdida li qed ngħixu fiha? 

Ma tridx tisma’ qanpiena waħda biss, jgħid l-għerf li ġej mill-bieraħ. Il-biċċa hi li fid-dinja virtwali tal-lum għandna kakofonija sħiħa ta’ qniepen, kollha aċċessibbli għal kulħadd, kullimkien, il-ħin kollu.

L-isfida llum hi li tagħraf tagħżel xi qniepen tisma’, għax mal-qniepen ġenwini hemm partita qniepen “foloz”, intenzjonati biex jimmanipulaw u jqarrqu. Biex tagħqad, fejn qabel kien pjuttost faċli tagħraf qanpiena fake, il-falz sar kapaċi jidher qisu veru iktar mill-veru nnifsu (aħseb f’deepfakes, CGI u kontenut iġġenerat mill-AI, ritratti u filmati mbagħbsa, u biases fl-aħbarijiet). Fi kliem ieħor, kulma jmur il-giddieb dejjem qed isib mezzi ġodda biex itawwal għomru.

Il-miżinformazzjoni mhix biss sors ta’ frustrazzjoni li tgħaddi, imma jista’ jkollha konsegwenzi serji. Tista’ tinfluwenza riżultati ta’ elezzjonijiet. Tista’ toħloq vittmi ta’ scams, u ta’ reati ferm agħar.

Kif se ninnavigaw dan kollu? U, forsi iktar importanti minn hekk, kif se jinnavigaw dan kollu l-adolexxenti li forsi għadhom ma rabbewx biżżejjed “ħażen” biex jagħrfu l-ilpup tad-dinja fiżika, aħseb u ara dawk tad-dinja virtwali, speċjalment fil-ġungla tal-midja soċjali?

Biex ma ningidmux għandna bżonn nibdew nakkumulaw għerf essenzjali ġdid; irridu, illum qabel għada, niżviluppaw ħiliet ta’ litteriżmu tal-informazzjoni, imsejsa fuq il-pedamenti tal-ħsieb kritiku u l-verifika tal-informazzjoni.

Imma minn fejn taqbad tibda? B’xorti tajba, fejn ma jaslux il-qwiel, hawn nies esperti li joffru li jaqbdulna jdejna u jiggwidawna biex niddistingwu bejn il-fattwali u l-fażull.

Fake ta’ Veru, ippubblikat dan l-aħħar minn Merlin Publishers, jagħmel proprju dan, b’mod frisk, divertenti imma fl-istess ħin informattiv u rigoruż. B’mod li jinftiehem faċilment, il-ktieb jispjega kif jaħdem l-ispettru ta’ qerq u manipulazzjoni virtwali, u mbagħad jarmak bil-ħila u l-għodda li għandek bżonn biex tagħrfu u tiskartah.

Il-ħobż tih lil min jaf jieklu, u infatti l-ktieb inħoloq minn Nereida Carrillo, speċjalista fl-istudji tal-komunikazzjoni, ġurnalista, għalliema, u esperta fil-qasam, u ġie maqlub b’ħila mill-Katalan għall-Malti minn David Aloisio, senior lecturer u l-Kap tad-Dipartiment tal-Malti fil-Junior College.

Fake ta’ Veru tant hu ktieb ta’ min iżomm fih li riċentement intgħażel biex jiġi inkluż fil-katalgu prestiġjuż White Ravens tal-2023, b’din ir-riċensjoni b’saħħitha:

Bla dubju Fake ta’ Veru huwa ta’ veru l-manwal essenzjali għall-ġenerazzjoni tal-lum – ibda mill-adolexxenti, u spiċċa f’kull min juża l-internet. Imnebbaħ minn dak li tgħallem hu stess hu u jittraduċi l-ktieb, David Aloisio jħeġġiġna biex “nagħmlu dieta informattiva; noqogħdu attenti mhux biss x’nieklu imma anke x’informazzjoni nikkunsmaw u minn fejn neħduha.”

Bniedem avżat nofsu armat.

— Antoinette Borg