Qed infittex avukat tajjeb li ma jarax kbir
On October 25, 2021

Ninsab inkwetat u rrabjat ħafna għal persuna li qed tagħmel ħsara kbira lill-familja tiegħi, u lili b’mod partikolari. Nixtieq insib avukat tajjeb (imma li ma jiħux ħafna flus) li jkun jista’ jgħidli x’inhuma d-drittijiet tiegħi skont il-liġi u jekk hemmx każ li ntella’ lil din il-persuna l-qorti biex forsi tirtira dak li għamlet, jew tħallas xi multa jew danni, jew tispiċċa għomorha l-ħabs, jew ma nafx.

Jisimni Thomas Bonnici. Sa ftit ilu, flimkien mal-ġenituri tiegħi Robert u Suzanne, oħti Chloe u ħija ż-żgħir Jamie, kont noqgħod Ta’ Paris, Birkirkara, imma sfortunatament issa ġarrejna u morna noqogħdu fil-limiti tal-Imġarr (f’razzett taż-żwiemel) – u hawn fejn beda kollox.

Għalkemm għadni żgħir, lili ħadd ma jagħmilli l-bżieq fuq imnieħri, u għalhekk iddeċidejt li nqum u niġġieled għad-drittijiet tiegħi. Ir-raġuni hi din. Hemm waħda li ssejjaħ lilha nnifisha kittieba, ħa nsemmiha b’isimha – Antoinette Borg, li qabdet u kitbet ktieb sħiħ fuq il-familja tiegħi. Semmietu Stilel fl-istalel u għadu kif ġie ppubblikat dil-ġimgħa minn Merlin Publishers.

B’xokk kbir indunajt li f’dan il-ktieb Borg kixfet ħafna stejjer u affarijiet personali u kunfidenzjali fuq il-ħajja familjari tagħna. Fuqi b’mod speċjali, żvelat affarijiet imbarazzanti, u jidher ċar li l-intenzjoni tagħha hu li niġi rredikolat quddiem Malta kollha. Saħansitra kellha l-wiċċ tgħid lid-dinja kollha li darba, waqt li kont fi stat vulnerabbli wara li kelli inċident, ma kellix biex nimsaħ id-demm minn ma’ wiċċi u kelli nuża qalziet ta’ taħt (nadif!). U tant hi antipatka li ħasset li kellha tispeċifika anke x’kulur kien!

Irrid ngħid ukoll li fil-ktieb, inkluż fuq il-qoxra, hemm ħafna stampi realistiċi li juru b’mod ċar lili u ’l-membri tal-familja tiegħi, u ma jħallu l-ebda dubju dwar l-identità tagħna. (Fosthom hemm stampa tiegħi fi stat tal-mistħija li għal xi raġuni qed iġġibli f’moħħi l-kelma pudur, li nismagħha fl-aħbarijiet imma ma nafx eżatt xi tfisser.) Naħseb li b’hekk Borg kisret ir-regoli tal-GDPR ukoll, u forsi għandi każ biex inħarrek anke lil dik li penġiet l-istampi, Nicole Diacono, bħala kompliċi. U naħseb li tal-Merlin Publishers ukoll għandhom parti mit-tort la ppubblikaw il-ktieb …

Għalija mhux sew li Borg ħarġet fil-beraħ dawn l-affarijiet mingħajr lanqas biss qaltilna. Il-ktieb Stilel fl-Istalel għandu jiġi rtirat mis-suq immedjatament, u min kitbu u xerrdu għandu jieħu l-kastig li ħaqqu skont il-liġi. Għalhekk għandi bżonn avukat, biex jgħinni niftaħ libell, jew x’jgħidulu, kontra Antoinette Borg (u l-kompliċi tagħha) għall-ksur tad-drittijiet tal-privatezza, malafama, ħsara lir-reputazzjoni, ksur tal-paċi pubblika, eċċetra (dan ukoll kliem li nisimgħu fl-aħbarijiet).

Insomma, jekk int avukat tajjeb, jew taf lil xi ħadd, u taħseb li tista’ tgħinni, napprezza jekk tibgħatli messaġġ privat ħalli nitkellmu. Kif diġà għidt, importanti li ma tarax kbir għax għadni student u m’għandix biex inħallas.

PS: U importanti li taqdini malajr, qabel ma tilħaq taqra l-ktieb Malta kollha.

 

Thomas Ryan Bonnici
25 ta’ Ottubru 2021
L-Imġarr, Malta

Is-sors ta’ dan l-inkwiet kollu huwa r-rumanz il-ġdid għat-tfal, Stilel fl-istalel, ta’ Antoinette Borg. Il-ktieb jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba kollha jew anki online – b’pustaġġ lokali b’xejn – minn hawn. Fl-istess ħolqa tista’ wkoll taqra silta mir-rumanz, taħt it-tab “Excerpt”.

Ir-ritratt tal-paġna hu ta’ Tingey Injury Law Firm fuq Unsplash