Psst! Titwila qasira

Meta tkun f’ħanut tal-kotba u jiġbidlek l-attenzjoni ktieb, arak tiġbdu ’l barra mill-ixkaffa, iddawru f’idejk, tiflilu l-qoxra, taqra l-ħarsetta, (ixxommu?) u forsi tiftħu ftit, tqalleb waħda l-paġni u tittanta taqra l-ewwel paragrafu jew tnejn. Imbagħad tiddeċiedi tpoġġihx lura f’postu jew tingħaqad miegħu għal dejjem, fit-tajjeb u fil-ħażin …

U meta tixtri ktieb online? Veru, ħanut tal-kotba elettroniku ma joffrilekx l-istess esperjenza. Imma jaf jagħtik vantaġġi oħra, differenti. Pereżempju, kont taf li fis-sit tal-Merlin Publishers, tista’ tittawwal fil-kotba qabel tiddeċiedi ddaħħalx idek fil-but jew le? Bil-faċilità “Ittawwal ġol-Ktieb” tista’ – mill-kumdità ta’ darek, minn fuq il-pultruna, fuq is-sufan jew anke fuq is-sodda – tieħu idea tajba jekk ktieb partikolari jogħġbokx mingħajr ma tkun infaqt sold.

  • Aqra l-ewwel kapitlu bil-kwiet. Darba Trevor Żahra kien qal li biex tiddeċiedi s-soppa hix tajba jew le, m’hemmx għalfejn tkun kiltha kollha – kul mgħarfa jew tnejn, u tkun taf. Bl-istess mod, jekk taqra l-ewwel kapitlu ta’ ktieb tista’ ttiegħem l-istil tal-kitba, it-ton, il-karattri, l-istorja, u l-bqija, u b’hekk tieħu idea tajba jekk jaqbilx mal-gosti biblijotekarji tiegħek.
  • Ħu deċiżjoni infurmata. Ladarba tkun doqt biċċa sew mill-bidu tal-ktieb, tkun armajt ruħek b’biżżejjed għarfien biex taqtagħha jistħoqqlux tinvesti aktar ħin fih. U m’għandekx għaġla – tista’ ddum ittella’ u tniżżel kemm trid, m’hemm ħadd iberraqlek biex tfittex twarrab minn quddiem dik l-ixkaffa.
  • M’hemmx sorpriżi (apparti t-twists tal-istorja!) Dawk li ġieli xtraw ktieb fuq impressjoni, forsi għax iġġudikawh mill-qoxra, u ddispjaċiehom, jafu xi rridu nfissru bil-kelma “sorpriżi”. Jekk int bħalna, aktarx għandek ħafna minn dawn is-“sorpriżi”, ġodda fjamanti, ħela ta’ flus, jokkupaw l-ispazju għalxejn.

U mela x’qed tistenna? Investi flusek bil-għaqal u ixtri l-kotba bil-kunfidenza, billi taqra silta minnhom minn qabel, b’xejn. Mis-sit tal-Merlin Publishers, ovvjament. U peress li dan ġie qisu riklam finanzjarju, il-passat mhux garanzija tal-futur u termini u kundizzjonijiet japplikaw.

— Antoinette Borg