“Hemm tfajliet oħra li jista’ joħroġ magħhom kieku jrid. Telefonata kulma tmur fin-nofs. Imma kull darba li jinzertaha, jinnota dettall fiha jew mossa minn tagħha li jispiċċa jġorr miegħu ġurnata sħiħa. Jogħġbu kif tilbes, kif tikkombina l-kuluri. Ftit naf nies li jilbsu l-kuluri li tilbes hi. Jogħġbu kif tinżel it-taraġ, kif il-fwieħa tagħha tibqa’ bħal imdendla fl-arja, kważi bi nkejja, qisha ħaġa moħġaġa, qisha sigriet li jixtieq jista’ jħaddan.”
Ismaïl rieqed raqda fonda, bil-maħbuba tiegħu maġenbu ma tiflaħx taqla’ għajnejha minn fuqu. Salvu u Rita reġgħu qed ipejpu sigarett fil-gallarija, ipespsu u jidħqu daqslikieku għadhom namrati. Fis-sodda nru 11 tal-kamra nru 10 fl-Infectious Disease Unit, Tessie Tabone daqt tiġbed l-aħħar nifs. Se tħalli warajha żewġ ulied, miġġildin. Denise tixtieq li għandha ritratt sura tan-nanna, liebsa l-gejxa …
F’din in-nisġa ta’ rakkonti, mhux il-karattri kollha għandhom isem. Forsi għax jistgħu jkunu int jew jien. Jew dik il-mara li ċċumbajt tiċċaċċra ma’ sħabha, liebsa kowt vjola jgħajjat. Jew dik l-omm żagħżugħa li lmaħt tiġri barra fix-xita, bil-papoċċ roża, b’tarbija tixher f’dirgħajha. Tgħid fejn kienet sejra? Jew il-ġuvni li nzertajt m’ilux ġo ħanut, idur indeċiż il-fwejjaħ tan-nisa, flixkun flixkun …
Nadia Mifsud
Tħobbu u tibża’ minnu l-kliem, Nadia Mifsud. Tħobbu għax il-bżonn tiegħu nibet fiha minn żgħira – it-tort t’ommha li kienet tixtrilha l-kotba minflok ħelu. Tibża’ minnu għax il-kliem ta’ rasu. Tmur biex tikteb rumanz u minflok toħroġ poeżija. Jew bil-maqlub. Kultant, minn din id-diżordni, titwieled pubblikazzjoni: żugraga (2009), kantuniera ’l bogħod (Edizzjoni Skarta, 2015), Ir-rota daret dawra (kważi) sħiħa (Merlin, 2017).
“Hija ġabra ta’ sittax-il storja qasira, li timmaġina li se jkollok il-favoriti u inqas favoriti. Imma l-ispeċjalità ta’ din il-ġabra hi li mumenti u karattri minn storja jerġgħu jfiġġu fi stejjer differenti, u għalhekk ngħid li hawnhekk Mifsud offriet xi ħaġa li tmur oltre mill-ġabriet l-oħra mdorrijin bihom.”
— mir-reċensjoni ta’ Jean Paul Borg
“Utter perfection … All the stories in Żifna f’xifer irdum (literal translation: Dancing on a Cliff Edge) are beautifully written; this is prose which envelopes you in it’s beauty, each word, expression has it’s own special place. The sentences just flow and coil around the reader like a boa constrictor. … I can heap more praise but really just read these stories.”
— mir-reċensjoni ta’ Robert Pisani f’The Bobsphere
“Kienet vallapena din l-istennija: il-qawwa narrattiva ta’ Nadia Mifsud terġa’ tagħtina sorpriża li kapaċi taqtagħlek nifsek … l-istejjer kollha b’saħħithom mingħajr eċċezzjoni”
— mir-reċensjoni ta’ Mark Vella fl-Illum: Hekk tħabbat il-qalb Maltija