F’dan l-aħħar ktieb fis-sensiela Tikka Malti, l-istudenti tas-sitt sena primarja jiltaqgħu ma’ diversi temi bħat-turiżmu, il-moda, il-fantasija u l-futur. Dawn it-temi jiġu indirizzati permezz tal-ħiliet tal-qari, tal-kitba, tat-taħdit u tas-smigħ. Tikka Malti 6b jindirizza wkoll numru ta’ aspetti grammatikali fosthom il-verbi trilitteri, il-verbi kwadrilitteri u l-pronomi mehmużin. Ikompli fejn ħalla Tikka Malti 6a, u bħalu nħadem bl-għan li l-istudenti jkopru l-Qafas tal-Kisbiet mit-Tagħlim (LOF) li huma mistennija jilħqu f’dan il-livell. B’hekk iħejju ruħhom għall-assessjar ta’ tmiem il-primarja.
Dan il-ktieb huwa akkumpanjat b’podcasts u riżorsi utli għall-edukaturi.
Leanne Ellul
leanne ellul tgħallem il-Malti lil żgħażagħ kemxejn kbar. fejn tista’ tikteb b’ittri żgħar għax l-ittri kbar idejquha. ma tikolx annimali u meta ma tikolx il-kelba bil-bews tqatta’ ħafna ħin taqra, tirriċerka jew tikteb. il-kittieba b’xagħarha aħmar (kif kien qalilha darba xi ħadd) tħobb ir-ritratti bojod u suwed. iswed kif tħobb il-kafè. tikteb it-textbooks tikka malti ma’ clare azzopardi, u rebħet il-premju francis ebejer 2013, rebħet il-konkors rumanzi għaż-żgħażagħ 2014, kienet parteċipanta fil-bjennale 2015 u ħadet il-premju speċjali tal-premju tal-ktieb għall-aħjar kittieba emerġenti. bħalissa qed taħdem fuq il-poeżiji tagħha kif ukoll it-tieni rumanz għaż-żgħażagħ.leanneellul.netAra aktar
Clare Azzopardi
Clare Azzopardi tgħix ġo dar antika 400 sena. Tqatta’ ħafna ħin taqra u tikteb l-istejjer kemm għat-tfal kif ukoll għall-kbar, sakemm ma tkunx qed tgħallem. Hija l-Kap tad-Dipartiment tal-Malti fil-Junior College. Rebħet ħafna premjijiet bil-kotba tagħha u ħafna mix-xogħol tagħha ġie maqlub f’lingwi oħra. clareazzopardi.comAra aktar