Idħol fil-klabb ta’ Tepp u Tipa billi timla formola ppreparata apposta għalik u ħu sehem fl-attivitajiet li se ssib fi Stilel 5.
Dan il-ktieb huwa mimli ħrejjef, stejjer u poeżiji sbieħ, attivitajiet li permezz tagħhom tista’ titħarreġ aktar fil-kitba bil-Malti, fit-taħdit, fis-smigħ u fil-grammatika Maltija. Għandek issib ukoll informazzjoni fuq il-kultura Maltija u fuq diversi poeti u kittieba Maltin. Barra minn hekk, f’dan il-ktieb se ssib ukoll parti minn storja tal-famuż Roald Dahl maqluba għall-Malti.
U tinsiex l-istilel! Kemm se jirnexxilek iġġemma’ int u taħdem il-ktieb?
Trevor Żahra
Trevor Żahra fettillu jitwieled fis-16 ta’ Diċembru 1947. Ma nafux jekk hux veru li kiteb l-ewwel rumanz tiegħu meta kellu xahrejn! Hu x’inhu, aktar faċli tipprova ssib x’ma kitibx, milli x’kiteb: stejjer għat-tfal, workbooks, poeżiji, rumanzi, novelli, drammi, monologi. U x’ma pinġiex? Biżżejjed insemmu Stampakelma li għalih pinġa ’l fuq minn elf stampa. S’issa diġà għandu kotba ppubblikati Franza, ir-Russja u n-Norveġja. trevorzahra.com
Wara 25 sena tgħallem il-letteratura Maltija, Clare Azzopardi ddeċidiet li titlaq kollox u tibda kapitlu ġdid. Ma tafx kemm se jkun twil dal-kapitlu, u lanqas jimpurtaha wisq dment li qed tiktbu hi. L-importanti li magħha hemm Albert, karattru importanti ħafna fl-istorja ta’ ħajjitha; l-importanti li hemm il-kotba tal-kittieba li tħobb (sintendi ma tistax iġġorrhom kollha, imma ġa ġarret ħafna); l-importanti li hemm is-siġar ħodor u kbar qishom ġganti; ir-russetti u ċ-ċikonji bla ebda biża’ li jaqilgħu tir; l-importanti li hemm is-skiet u ftit li xejn krejnijiet.
clareazzopardi.comritratt meħud minn Giola CassarAra aktar