Jekk għandek madwar 6 snin dan il-ktieb huwa għalik. Fih ħafna logħob, stejjer u attivitajiet li jgħinuk titgħallem filwaqt li tkun qed tieħu gost. Tepp u Tipa se jkunu qed jgħinuk u naturalment anki l-għalliema tiegħek jew il-ġenituri jew in-nanniet. Għaliex le?
Xi drabi se jkollok tikteb, drabi oħra taqra u waqtiet oħra tpinġi. Nafu li tieħu gost tikteb, taqra u tpinġi. Mela dan il-ktieb żgur tajjeb għalik. U tinsiex, jekk ix-xogħol tagħmlu pulit, ikollok ħafna stilel!
Ħu gost!
Trevor Żahra
Trevor Żahra fettillu jitwieled fis-16 ta’ Diċembru 1947. Ma nafux jekk hux veru li kiteb l-ewwel rumanz tiegħu meta kellu xahrejn! Hu x’inhu, aktar faċli tipprova ssib x’ma kitibx, milli x’kiteb: stejjer għat-tfal, workbooks, poeżiji, rumanzi, novelli, drammi, monologi. U x’ma pinġiex? Biżżejjed insemmu Stampakelma li għalih pinġa ’l fuq minn elf stampa. S’issa diġà għandu kotba ppubblikati Franza, ir-Russja u n-Norveġja. trevorzahra.com
Wara 25 sena tgħallem il-letteratura Maltija, Clare Azzopardi ddeċidiet li titlaq kollox u tibda kapitlu ġdid. Ma tafx kemm se jkun twil dal-kapitlu, u lanqas jimpurtaha wisq dment li qed tiktbu hi. L-importanti li magħha hemm Albert, karattru importanti ħafna fl-istorja ta’ ħajjitha; l-importanti li hemm il-kotba tal-kittieba li tħobb (sintendi ma tistax iġġorrhom kollha, imma ġa ġarret ħafna); l-importanti li hemm is-siġar ħodor u kbar qishom ġganti; ir-russetti u ċ-ċikonji bla ebda biża’ li jaqilgħu tir; l-importanti li hemm is-skiet u ftit li xejn krejnijiet.
clareazzopardi.comritratt meħud minn Giola CassarAra aktar