-
Raymond Muscat
Ta’ ħmar li jien, ispirat mill-mexxejja għaqlin tal-Unions ħabrieka tagħna, ersaqt lejn Elvira tiegħi u wara erbgħa u għoxrin sena żwieġ għamilt kuraġġ u għidtilha:
– Elvira, ma jistax ikun li nibqa’ naħsel il-platti jien! Għaliex ma nixtrux dishwasher?
– X’nagħmlu? Nixtru dishwasher? Ma tarax, ħmar! Mela ma tafx li inti tiswa anqas u tiffrankali fil-kont tad-dawl!
U għax ħmar jiena nibqa’ nissawwat. Id-dar. Fuq ix-xogħol. Fit-triq. Mingħand tal-insurance. Fuq l-Arriva. Bil-livell tal-programmi fuq it-tv!
U sabiex inkampa ddeċidejt li nissieħeb mal-ħmir kollegi tiegħi fis-soċjetà u nikteb dan il-ktieb billi naqbad ma’ kemm nista’ persunaġġi, sitwazzjonijiet u entitajiet.
U n-naħqa tiegħi noffriha sabiex aħna l-ħmir nagħmlu kuraġġ u nibqgħu magħqudin għax kif kien jgħid Kelinu tal-Kolla, ‘Fl-għaqda hemm is-saħħa!’