L-ewwel teżawru tax-xorta tiegħu bil-Malti
Teżawru tematiku joffri vantaġġi kbar lil kull min ifittex fih. Vantaġġ ewlieni hu li l-kliem kollu marbut ma’ qasam partikolari jinsab qrib xulxin u mhux imxerred mal-erbat irjieħ tal-alfabett. Hekk jispikkaw aktar id-differenzi fit-tifsir, li xi drabi jistgħu jkunu sottili.
Bit-tqassim alfabetiku, kliem bħal ċaqċaq, għadma, sinsla, skeletru u qarquċa jkun imferrex taħt erba’ ittri differenti filwaqt li f’dan it-teżawru jinsab miġbur flimkien u għalhekk hemm probabbiltà akbar li l-fittiex isib dak li jkun qed ifittex.
Teżawru bħal dan huwa effettiv l-aktar għaliex iqegħedlek il-kliem fuq il-ponta ta’ lsienek, lest biex tużah. Mhux biss jgħin lil min irid jikkomunika jagħżel liema hi l-aktar kelma li tixraq fil-kuntest, iżda jiffaċilita wkoll il-proċess biex il-fittiex isib xi kelma li jeħtieġha u li għandu mnejn lanqas biss ikun jaf li teżisti.
It-Teżawru huwa mqassam f’dawn it-temi:
- Il-familja u l-ħbieb
- Il-ġisem u l-kura tiegħu
- Id-deskrizzjoni fiżika
- Id-deskrizzjoni tal-karattru
- Is-sentimenti u l-emozzjonijiet
- Il-fażijiet tal-ħajja
Madankollu min irid jista’ jfittex ukoll b’mod alfabetiku permezz tal-indiċi fit-tieni nofs tal-ktieb, u b’hekk ma tintilifx il-prattiċità li joffri l-alfabett.
Dan it-teżawru tematiku huwa għodda ġdida li għandu jkollu kull min għandu l-Malti għal qalbu u jfittex li jikkomunika tajjeb li lsienna, fosthom:
• l-istudenti f’livelli differenti li minbarra li jridu jkunu kapaċi jaqraw u jifhmu, huma mistennija jitħaddtu u jiktbu b’Malti tajjeb u idjomatiku;
• l-istudenti li ma jafux il-Malti imma jixtiequ jitgħallmu l-vokabolarju ta’ temi partikolari;
• il-ġenituri li jixtiequ jsaħħu l-vokabolarju tagħhom biex jgħinu lil uliedhom;
• l-għalliema li skont l-LFO għandhom jgħinu lill-istudenti jikkonsultaw f’teżawru;
• il-kittieba, it-tradutturi, ix-xandara, il-ġurnalisti u kull min juża l-Malti biex jikkomunika.
Ukoll, għall-ewwel darba fi ktieb Merlin, it-teżawru fih verżjoni online. Fil-ktieb stampat issibu kodiċi uniku li bih taċċessaw it-teżawru online. L-istruzzjonijiet kollha ssibuhom fil-ktieb stampat.
* Il-verżjoni online xogħol Kurt Ellul, u ġiet iffinanzjata mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu