“Din hi ġabra ta’ għaxar novelli li jifirxu fuq 120 paġna. Uħud minnhom jaħkmu lill-qarrej, oħrajn jieħdu mill-ossessjoni li tilħaq livelli ta’ logorrea, meta kif tammetti l-vuċi narranti f’Il-Kittieb, ‘… l-kilba biex nikteb ħadet post kollox u kulħadd’, anki post kull emozzjoni umana. Hemm drabi meta n-narrattiva timxi bejn il-finzjoni, l-oniriku, il-ħrafa, u r-realtà; drabi oħra fejn jispikka l-lingwaġġ figurattiv jew ċerti beżgħat li huma astratti jingħataw ċerta solidità, u l-ħolm jitwassal permezz ta’ sentenzi twal neqsin minn kull punteġġjatura. Rakkont li jispikka hu Logħba Ċess li hu dwar attrazzjoni fatali mqabbla ma’ logħba bħal din. Dawn ta’ Borg huma stejjer ta’ ‘nies griżi’: fejn ir-realtà u l-preżent jitħalltu ma’ ritwali u ġrajjiet tal-imgħoddi biex isseħħ liberazzjoni minn saħta antika (Il-Mixrub u Lil Hinn); fejn isseħħ laqgħa f’ħanut tal-kafè fis-sena 2030 ma’ Ġesù li jinsab fi kriżi eżistenzjali (Inkontru). Borg bħal jirrakkonta ‘stejjer moħbija fil-fili’ tal-memorja fejn hemm midfun il-ġenn tal-bniedem. Jinħassu influwenzi minn Edgar Allan Poe, Anton Grasso, Italo Calvino, saħansitra mill-Manga Ġappuniża fejn naqraw dwar xeni erotiċi jew post-apokalittiċi, ħlejjaq sopranaturali li jiksru l-liġijiet temporali, u movimenti aġli li jiksru l-liġijiet tal-fiżika.”
— Reċensjoni ta’ Patrick J Sammut f’Il-Pont Nru 64 (Diċembru 2021)
“Il-personaġġi u l-ilħna li jirrakkuntaw bilkemm għandhom fiżiċità jew preżenza soċjali, filwaqt li l-ambjenti huma jew splużjoni ta’ xbihat, bejn il-fantastiku, l-improbabbli, u l-purament mistħajjel u immaġinat, jew inkella sempliċement spazju li jkollu jċedi għal ħsieb u diskors immirat mingħajr ebda tiżjina żejda. Donnhom jiġu eżawriti l-possibiltajiet tal-effetti tar-reali, għodod li għadhom validi għal kittieba oħra, iżda li għall-intenzjonijiet ta’ Borg huma żejda għaliex itellfu mill-burraxki mentali u interjuri li jrid jittratta.”
— Reċensjoni ta’ Mark Vella fl-Illum: Provi ġenerali ta’ niħiliżmu