Għal dik li hi skola Pietru Pitravu ma kienx aħjar mill-ħmar ta’ Wiżu għax l-istudju qatt ma ried jaf bih. Iżda meta jiġi għal xi bawxata minn tiegħu kien iħaddem rasu daqs avukat. Ma tantx kien iħobb iħalliha ħelwa għal melħa u, jekk tħabbatha miegħu aktarx li kont tmur minn taħt.
Il-praspar ta’ Pietru Pitravu kienu ta’ sikwit iħarbtu l-paċi tan-nies tar-raħal kif ukoll t’ommu u missieru. L-għalliem tiegħu u s-Surmast tal-iskola ġieli tħabblu wkoll fit-taħwid tiegħu. Iżda bosta drabi oħra Pietru kien jispiċċa moqli b’żejtu. Dan ġara meta, ngħidu aħna, kiseb għalih innifsu t-Titlu ta’ Hmar … jew meta mar jaqta’ l-lewż mis-siġar ta’ Kola l-bidwi u kellu xi jgħid mal-bodbod aħrax li kien hemm fl-għalqa.
Carmel G. Cauchi
Carmel G. Cauchi hu msieħeb fl-Għaqda Poeti Maltin, fl-Għaqda tal-Malti (Università) u fl-Akkademja tal-Malti. Kien bosta drabi ppremjat f’konkorsi letterarji u ngħata fost l-oħrajn il-premju prestiġjuż Città di Valletta għall-poeżija fl-1986. Għal tliet darbiet ingħata t-trofew għall-aħjar skript oriġinali fil-Festival ta’ Drama għall-Iskejjel. Għal erba’ darbiet kien fost ir-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb.