In-negozjant Louis Micallef jispiċċa l-ITU f’koma wara inċident tat-traffiku. U l-familja tiegħu — martu u l-erba’ wliedu — issib ruħha f’xibka ta’ diffikultajiet.
Karattri kemm ġodda kif ukoll oħrajn mill-passat jitfaċċaw fil-ħajja tal-membri tal-familja b’tentazzjonijiet u distrazzjonijiet qawwija. Intant, min minn uliedu se jieħu ħsieb in-negozju?
Ir-rumanz il-ġdid ta’ Lawrence Gatt jeħodna minn Malta sal-Italja, Dubrovnik u Medjugorje, Dubaj, Cape Town fl-Afrika t’Isfel u l-Awstralja, f’rakkont ta’ familja li trid issib triqitha f’ċirkostanzi mibdula.
Għax id-dnub, fil-fatt, ma jorqodx.
Lawrence Gatt
Lawrence Gatt huwa perit imma qatta’ 25 sena minn ħajtu jirrappreżenta lill-kostitwenti tiegħu fil-Parlament Malti. Għal uħud minn dawk is-snin kien ukoll Ministru fil-gvern. Kien il-moħħ wara l-ħolqien tal-Istitut tal-Agrikoltura ġewwa l-Università ta’ Malta kif ukoll l-introduzzjoni tal-akkwakultura f’Malta. Iħobb jikteb, u l-kotba ppubblikati tiegħu jinkludu Stejjer mill-Għorfa (1996), Fejn tħabbat il-qalb (1998), Il-Ġurament tal-Ħatra (2013) u Id-Dnub ma Jorqodx (2015). Għal 28 sena sħaħ kien il-President tas-Sirens Football Club, San Pawl il-Baħar.