Meta Toni kellu sitt snin, ħabta u sabta sab ruħu jgħix ġo dar kbira u qadima fil-Belt … tifel waħdu ma’ ħames nisa. Ma kinitx dar komuni. Kienet dar li tistenbaħ mal-lejl, tokrob, titniehed u tagħmel kull xorta ta’ ħsejjes; waqt li n-nanna Ġolina tqum tippassiġġa fid-dlam, iċċekċek il-kuruna tar-rużarju u titlob lil San Mikiel. Fuq kollox, dik id-dar qadima kienet tobgħod lill-irġiel!
Trevor Żahra
Trevor Żahra fettillu jitwieled fis-16 ta’ Diċembru 1947. Ma nafux jekk hux veru li kiteb l-ewwel rumanz tiegħu meta kellu xahrejn! Hu x’inhu, aktar faċli tipprova ssib x’ma kitibx, milli x’kiteb: stejjer għat-tfal, workbooks, poeżiji, rumanzi, novelli, drammi, monologi. U x’ma pinġiex? Biżżejjed insemmu Stampakelma li għalih pinġa ’l fuq minn elf stampa. S’issa diġà għandu kotba ppubblikati Franza, ir-Russja u n-Norveġja. trevorzahra.com