IXTRI

  • img-book

    Tyrone Grima

Frammenti

ta' : Tyrone Grima

11.95

Kopji:
ISBN: 9789990919585
Kategorija:
Qoxra: paperback
Età: adults
Pubblikazzjoni : 2021
Paġni : 160
Immaġina li qomt filgħodu u d-dinja ta’ madwarek ma baqgħetx kif kienet. Anzi, id-dinja ta’ madwarek ma baqgħetx hemm. Kulħadd telaq … karozzi, nies, annimali. X’tagħmel kieku? Hekk ġralu l-protagonist ta’ Frammenti. Stenbaħ biex imur għax-xogħol kif dejjem kien jagħmel. Imma din id-darba, malli ħareġ minn daru, sab baħħ. X’seta’ ġara? Kif kollox għeb? Sa ma sab lil Sophie — forsi l-unika persuna li kien għad fadal.  

Offerta speċjali għal min jordna online: flimkien ma’ “Frammenti”, tirċievu B’XEJN kopja tar-rumanz “Celibacy” tal-istess awtur.

  Proġett kofinanzjat mill-Fond tal-Ktieb tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb
Tyrone Grima huwa lettur fl-Arti Performattiva l-MCAST kif ukoll attiv fix-xena teatrali. Għandu interess partikolari fil-letteratura u teatru queer, kif ukoll fir-rabta bejn l-ispiritwalità u l-arti. Minbarra l-kitba u direzzjoni ta’ drammi teatrali, Tyrone jħobb jiekol (livelli ta’ mistħija, partikolarment ikel skadut) u jivvjaġġa. Jgħix il-Gudja flimkien mar-raġel tiegħu u t-tliet qtates imġienen li għandhom, imma jagħmel minn kollox biex ma jħallihomx jieklu l-wirdien għax iħobbhom wisq.
View Profile

“Fil-qofol tiegħu, laqatni sew għal-kontroll tat-teknika tar-rakkont, fejn l-elementi kollha huma marbutin u konnessi f’għanqbuta maħsuba ta’ tifsiriet, imma wkoll għar-riflessjoni mhux tas-soltu dwar, aktar milli l-imħabba, tmiemha u l-qsim il-qalb li jġib miegħu. Esperjenza umana li faċilment tista’ titwassal b’pathos li ma jinfidx fil-qalba tal-kwistjoni, imma Frammenti jmur lil hinn minn dan biex jesplora l-vjaġġ, modern fil-preokkupazzjoni tiegħu iżda antik daqs l-ewwel bniedem li qatt ħass u ħabb, ta’ min irid jagħmel sens mill-waqgħa sabiex jerġa’ jqum u jkompli miexi.”
— reċensjoni minn Mark Vella fl-Illum, Bejnna u bejn ruħna

 

“Dan il-ktieb hu l-ewwel ktieb li m’għandix (jew għandi ħafna) ħsibijiet għalih u li ma nistax inpoġġihom fi kliem. Ili sigħat nipprova nikteb xi ħaġa u ma nistax. Storja li tassew missitni minn ġewwa u ħatfitni fis-seħer kollu tagħha. Ktieb li minkejja fil-prologu stess l-awtur qalli biex ninsieha u ma nistaqsix mistoqsijiet oħra għax huma biss frammenti, imma fil-fatt ma nistax nagħmel mod ieħor. Ħarbatni. Storja li baqgħet miegħi, emozzjonatni, beżżgħatni, ħawditni u ħallietni vulnerabbli quddiem din il-kitba.

Din l-istorja teħodna pass pass ma’ personaġġ mingħajr ma jikxef l-identità tiegħu, li jqum bħas-soltu fir-rutina tiegħu biex imur għax-xogħol u jgħix il-ħajja normali bl-attitudnijiet normali tas-soltu. Sakemm jirrealizza li qiegħed waħdu. Li Malta kienet waqfet u ma fadal xejn normali. In-nies sparixxew, ir-rutina ta’ kuljum waqfet, it-traffiku waqaf u baqa’ biss hu u l-emozzjonijiet tiegħu. Din id-darba malli ħareġ mill-bieb ta’ barra kulma sab vojt u skiet. Skiet li joqtol u li jinkiser biss bil-ħsibijiet u l-emozzjonijiet ta’ dan il-persunaġġ.

Din l-istorja teħodna f’rotot differenti, fi tlugħ u nżul, fejn l-unika persuna li kien għad fadal apparti hu kienet Sophie. Li anke hi bl-emozzjonijiet u l-vulnerabbiltà kollha tagħha twassalhom biex jiltaqgħu flimkien.
Ma nistax nelabora wisq fuq l-istorja, il-kliem u l-ħsibijiet li ħalla fija ma jippermettulix. Inkun prużuntuża jekk ngħid l-opinjoni tiegħi mingħajr ma nħalli lilek taqrah qabel. Imma li nista’ ngħid li hija ambjentata fuq l-erba’ staġuni fejn il-protagonist jagħmel vjaġġ twil b’ħafna memorji. Memorji ta’ persuna li ħabb, David. Memorji msawrin b’ħafna emozzjonijiet li neżża’ l-karattru tagħna minn kull tip ta’ pretenzjoni u ħallieh vulnerabbli u maqtugħ minn kulħadd. It-tmiem ma kien tmiem xejn u ħallieni b’ħafna mistoqsijiet. Ktieb rakkomandat ħafna! Grazzi ħafna Merlin u Tyrone!”
— reċensjoni minn Once Upon a Maltese Reader, fuq Facebook u Instagram
“Dan huwa rumanz ta’ ftit iktar minn 150 paġna li jintrabat mal-qasam tal-letteratura gay. Jinqara malajr u dan żgur mhux difett imma preġju fuq livell stilistiku. Fil-Prologu, in-narratur jindirizza lill-qarrej u jsejjaħ dan ix-xogħol ‘Frammenti ta’ ħsibijiet. Frammenti ta’ storja.’ Hu rakkont li għandu mill-ġeneru post-apokalittiku u jista’ jfakkar f’The Road ta’ Cormac McCarthy ladarba hawn naqraw dwar vjaġġ spazjo-temporali f’dinja differenti ħafna minn dik li nafu biha. Isseħħ bidla estrema bħal dik li seħħet fil-Metamorfosi Kafkeska, anki għax minn jum partikolari ’l quddiem il-ħajja tal-protagonist ma tibqax l-istess. Għal xi żmien ikun hemm żewġ sopravissuti; hemm imgħoddi li jostor misteri u trawmi partikolari; ġrieħi u tiftix għall-fejqan; spazji abitati minn iħirsa u tifkiriet; partijiet li għandhom mill-ħolm u mill-ħmar il-lejl; relazzjoni mhux faċli mal-missier; siltiet u deskrizzjonijiet li għandhom mill-koreografija teatrali; il-baħar bħala mottiv rikurrenti; il-baħħ u l-vojt bħala protagonisti inviżibbli imma solidi; diskors sagru li jissawwab ma’ ieħor profan għall-aħħar; drabi oħra l-appell għas-sensi jintrabat mal-element senswali u erotiku. Kollox jgħin biex dan ix-xogħol jinqara f’nifs wieħed.”
— Reċensjoni ta’ Patrick J Sammut f’Il-Pont Nru 64 (Diċembru 2021)
View Pdf