Offerta speċjali għal min jordna online: flimkien ma’ “Frammenti”, tirċievu B’XEJN kopja tar-rumanz “Celibacy” tal-istess awtur.
Proġett kofinanzjat mill-Fond tal-Ktieb tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb“Fil-qofol tiegħu, laqatni sew għal-kontroll tat-teknika tar-rakkont, fejn l-elementi kollha huma marbutin u konnessi f’għanqbuta maħsuba ta’ tifsiriet, imma wkoll għar-riflessjoni mhux tas-soltu dwar, aktar milli l-imħabba, tmiemha u l-qsim il-qalb li jġib miegħu. Esperjenza umana li faċilment tista’ titwassal b’pathos li ma jinfidx fil-qalba tal-kwistjoni, imma Frammenti jmur lil hinn minn dan biex jesplora l-vjaġġ, modern fil-preokkupazzjoni tiegħu iżda antik daqs l-ewwel bniedem li qatt ħass u ħabb, ta’ min irid jagħmel sens mill-waqgħa sabiex jerġa’ jqum u jkompli miexi.”
— reċensjoni minn Mark Vella fl-Illum, Bejnna u bejn ruħna
“Dan il-ktieb hu l-ewwel ktieb li m’għandix (jew għandi ħafna) ħsibijiet għalih u li ma nistax inpoġġihom fi kliem. Ili sigħat nipprova nikteb xi ħaġa u ma nistax. Storja li tassew missitni minn ġewwa u ħatfitni fis-seħer kollu tagħha. Ktieb li minkejja fil-prologu stess l-awtur qalli biex ninsieha u ma nistaqsix mistoqsijiet oħra għax huma biss frammenti, imma fil-fatt ma nistax nagħmel mod ieħor. Ħarbatni. Storja li baqgħet miegħi, emozzjonatni, beżżgħatni, ħawditni u ħallietni vulnerabbli quddiem din il-kitba.
Din l-istorja teħodna pass pass ma’ personaġġ mingħajr ma jikxef l-identità tiegħu, li jqum bħas-soltu fir-rutina tiegħu biex imur għax-xogħol u jgħix il-ħajja normali bl-attitudnijiet normali tas-soltu. Sakemm jirrealizza li qiegħed waħdu. Li Malta kienet waqfet u ma fadal xejn normali. In-nies sparixxew, ir-rutina ta’ kuljum waqfet, it-traffiku waqaf u baqa’ biss hu u l-emozzjonijiet tiegħu. Din id-darba malli ħareġ mill-bieb ta’ barra kulma sab vojt u skiet. Skiet li joqtol u li jinkiser biss bil-ħsibijiet u l-emozzjonijiet ta’ dan il-persunaġġ.
— reċensjoni minn Once Upon a Maltese Reader, fuq Facebook u Instagram