OFFERTI RIGALI: Il-Milied u l-qari t-tajjeb

L-Iżlandiżi għandhom drawwa ħelwa msejħa Jolabokaflod, fejn ir-rigali tal-Milied lill-għeżież ta’ xulxin ikunu kotba, magħżulin apposta bi ħsieb u bi mħabba. F’lejlet il-Milied jiftħuhom, u mbagħad – l-isbaħ biċċa – iqattgħu l-lejl imgeddsin, jaqraw flimkien għall-irdoss tal-fuklar.

M’għandniex xi ngħidu, fil-Milied, il-wikkiela tal-kotba bħalna jixtiequ li twieldu l-Iżlanda …

Flok noqogħdu nixxennqu, aħna tal-Merlin ħadna spunt mill-Jolabokaflod bil-ħsieb li niġbdu ftit mis-seħer ta’ din it-tradizzjoni lejn dawn l-inħawi. Għaldaqstant qed nippreżentaw għażla kkurata ta’ kotba speċjali, imlaqqgħin f’pari, u qed noffruhom bi prezz imraħħas sew, għal daż-żmien tal-Milied. Għandna xi ħaġa għall-gosti ta’ kulħadd. Mela tlaqna …

Offerta 1: Rigal Stilla

Bla dubju dan hu r-rigal perfett għall-Milied, a la Jolabokaflod, għall-qraba u l-ħbieb li tgħożż. Par kotba bellezza, b’qoxra iebsa, li ġo fihom hemm id-dinja tal-ħlejjaq u l-ħrejjef imsaħħrin imfesfsin fil-widnejn mill-Maltin sa minn żminijiet imbegħdin. Bejniethom jiffurmaw enċiklopedija tal-karattri tal-fantasija, il-leġġendi u l-mitoloġija ta’ pajjiżna, u għaldaqstant dawn il-kotba għandhom ikunu fil-librerija ta’ kull dar f’Malta. Tinsiex, li f’nofsillejl tal-Milied, jistenbaħ mir-raqda l-Gawgaw …

The Maltese Bestiary + Maltese Mythology

bil-prezz speċjali ta’ €35.95 minflok €54.95 (tiffranka €19)

Offerta 2: Ninu Ninu tal-Milied

Lit-tfal ta’ kull età li kull sena jistennew il-Milied bil-ħerqa, nistednuhom jesperjenzaw it-tradizzjonijiet tal-Milied fl-Iżvezja bi storja li tinqara ftit ftit fil-jiem ta’ qabel il-Milied. Sadanittant, però, inħeġġuhom iżommu d-drawwiet Maltin ħajjin – jarmaw il-presepju, joħorġu l-Bambin, u jippreparaw għall-quddiesa ta’ nofs il-lejl, bil-qagħaq tal-għasel fil-forn u l-imbuljuta ttektek. Aħħ, x’riħa tfuħ hawn kif tidħol mill-bieb ‘il ġewwa!

Milied Imħawwad + Drawwiet tal-Milied Maltin

bil-prezz speċjali ta’ €26.90 minflok €40.90 (tiffranka €14)

Offerta 3: Milied in-Nies

Il-bniedem ilu jaffaxxina ruħu bl-istejjer ta’ nies oħra, bħalu, sa miż-żmien imbiegħed – meta n-nies kienu jinġabru jirrakkuntaw madwar ħuġġieġa. Illum flok il-ħuġġieġa għandna l-fireplace, u għall-kurjużi fostna, imma mhux biss, dawn il-kotba jbexxqu persjana għal fuq il-ħajja straordinarja ta’ bosta Maltin, Għawdxin u Beltin. Dan is-sett iħajrek titbissem, tistagħġeb, (jew titkaża!) filwaqt li tiċċelebra l-umanità kif tingħex fuq did-daqsxejn ta’ gżira.

Bilkemm jitwemmnu! (l-ewwel volum) + Beltin

bil-prezz speċjali ta’ €25.90 minflok €38.90 (tiffranka €13)

Offerta 4: Istrina Faqgħa

Għat-teenagers u ż-żgħażagħ li tħobb, m’hemmx rigal aqwa minn kaxxa għodda li tgħinhom jinnavigaw id-dinja tal-lum, kemm dik reali li jaf tlaqqagħhom ma’ esperjenzi diffiċli li jinvolvu xi xorta ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru, kif ukoll dik diġitali maħnuqa mill-għanqbuta tal-miżinformazzjoni. Lil hinn mill-kontenut tassew importanti, id-disinn u l-illustrazzjoni ta’ dawn iż-żewġ kotba vera faqgħa, jew nistgħu ngħidu instagrammabbli?

Fake ta’ veru + Aqla’ kjass!

bil-prezz speċjali ta’ €19.90  minflok €29.90 (tiffranka €10)

Offerta 5: Seħer il-Milied

Il-Milied iż-żmien ideali biex terħi kemxejn ir-riedni u tħalli l-immaġinazzjoni timraħ. Dan is-sett fantastiku jieħdok fuq vjaġġ lejn żewġ dinjiet imsaħħra, wieħed fil-belt mistħajla ta’ Terani f’tiftixa għal ktieb imsaħħar, u l-ieħor fi presepju Malti li l-pasturi ta’ ġo fih jieħdu l-ħajja. Rigal tal-Għaġeb, rakkomandat b’mod speċjali għall-ħalliema ta’ rieda tajba.

Ktieb ix-Xwejjaħ + Wasal il-Milied

bil-prezz speċjali ta’ €15.85 minflok €23.85 (tiffranka €8)

Offerta 6: Ħlewwa tal-Qalb

Jekk tixtieq tiskopri t-tifsira vera tal-Milied, m’għandekx għalfejn tfittex iżjed – ir-risposta ssibha hawn, f’idejn tifel jismu Buddy u ħmara jisimha Sbejħa. Dan is-sett jikkonsisti f’żewġ kotba kompletament differenti minn xulxin, imma fis-sempliċità tagħhom it-tnejn li huma kapaċi jmissu qalb kulħadd, mill-kbar saż-żgħar.  Hawn għandek żewġ kotba ekwivalenti għal kutra li ssaħħan, perfetti biex jinqraw fi sfond ta’ dwal iteptpu u għanjiet tal-Milied, jinstemgħu mill-bogħod. Mowbajl mitfi, ovvjament.

Tifkira ta’ Milied + Sbejħa

bil-prezz speċjali ta’ €11.90 minflok €16.90 (tiffranka €5)

Offerta 7: Għall-Bambini

Għajnejn uliedek jafu jixegħlu daqs l-istilla ta’ fuq l-għar meta teħodhom fuq vjaġġ tal-għaġeb mas-Sinjura Klaws u n-nebbiexa assistenti tagħha. Xħin jiġu lura, ħallihom jaħlu l-enerġija kreattiva, dejjem f’atmosfera Milidija, mal-ħabib antik tagħhom Lupu Lupettu. Biex iddaħħal lil uliedek fil-lista tas-Sinjura Klaws, kemm tpoġġilhom dal-pakkett taħt is-siġra tal-Milied.

Is-Sinjura Klaws + Lupu Lupettu Ilgħab u Pinġi għall-Milied

bil-prezz speċjali ta’ €8 minflok €12 (tiffranka €4)

Offerta 8: Fil-Maxtura

Qatt mhu kmieni wisq biex tħabbeb lil uliedek mal-kotba. Sa minn trabi, ħallihom jistagħġbu u jieħdu pjaċir jesploraw dawn l-oġġetti intriganti kollhom paġni u kuluri – u ma jimpurtax jekk ikagħbruhom xi ftit (jew wisq). Għaqqadna dan l-istarter pack speċjali għat-trabi Maltin – ktieb li jista’ jidħol ġol-banju, u board book b’saħħtu li jlaqqa’ lit-tfal mal-alfabett permezz ta’ dak li hu Malti. Mela, A ta’ Agħfas hawn …

Il-Ktieb Maġiku tal-Kuluri + M għal Malta

bil-prezz speċjali ta’ €7.45 minflok €11.45 (tiffranka €4)

L-Iżlandiżi jgħallmuna li ktieb huwa rigal ideali, għax:

  • mhux għali
  • mhux goff
  • mhux diffiċli biex tkebbu (ipprova kebbeb ballun!)
  • m’għandux bżonn batteriji
  • ma jħaxxinx
  • ma jeħżienx
  • jiġi f’daqs wieħed tajjeb għal kulħadd
  • jista’ jitqabbel mal-gosti tal-persuna
  • jagħti sigħat sħaħ ta’ gost u
  • jibqa’ għal dejjem

Xi trid iżjed?

Dal-Milied tħallihx jintesa mal-oħrajn – agħti u rċievi r-rigal tal-qari.

Mill-ixkafef tagħna għal tiegħek, il-Milied u l-qari t-tajjeb.