Malti jew Ingliż? Jew Malti u Ingliż?

L-ikbar uġigħ ta’ ras aħna u nħejju s-sit il-ġdid kienet: Malti jew Ingliż? Jew Malti u Ingliż?

Bla ma rrid nerġa’ nidħol fil-gwerer kostanti u tedjanti Malti vs Ingliż li spiss jinqalgħu hawn Malta – hawn biżżejjed minnhom ġa, dal-gwerer, m’hemmx għalfejn reprise hawnhekk ukoll – ridna nispjegaw il-pożizzjoni tagħna vis a vis l-ilsna użati fis-sit tagħna.

Anki għax kull darba li jitla’ post bl-Ingliż, ara l-emails deħlin “Għax bl-Ingliż u mhux bil-Malti?” (U viċe versa wkoll, sa ċertu punt.)

Aħna pubblikaturi ta’ kotba Maltin, miktuba primarjament bil-Malti. Kburin ħafna b’dan u xogħolna 24/7 hu li nwasslu – nittamaw – l-eċitament tagħna dwar il-kwantità u l-kwalità ta’ letteratura bil-Malti li qed nippubblikaw.

U tant ieħor kburin li das-sit hu bilingwi, li meta taċċessah għall-ewwel darba tista’ tagħżel tippreferix taqrah bil-Malti jew bl-Ingliż. U tista’ dejjem tagħżel li taqleb minn lingwa għall-oħra billi tagħfas il-lingwa li tixtieq fuq nett tal-paġna.

Imma m’hemmx għalfejn – u m’għandna ebda intenzjoni li – kull kelma li tinkiteb fuq is-sit bl-Ingliż tiġi maqluba għall-Malti, u viċe versa. Kważi lkoll hawn Malta naqraw iż-żewġ ilsna (u jekk le, ta’ min naqbdu ktieb u nitgħallmuhom!) – u meta xi informazzjoni tkun intenzjonata għal udjenza usa’ minn Malta, naturalment se niktbuha bl-Ingliż.

Nemmnu li r-riżorsi umani limitati tagħna huma użati aħjar meta noħolqu kemm jista’ jkun kontenut frisk u aġġornat, milli noqogħdu nidduplikaw kull sentenza li niktbu.

U b’eżempju ta’ dan, dal-post stess mhux qed jiġi tradott għall-Ingliż, imma hemm post bl-Ingliż differenti – miktub minn editriċi oħra hawnhekk il-Merlin – dwar is-suġġett. Anki għaliex kull wieħed u waħda minna għandna l-opinjonijiet tagħna, u dak – il-ħsieb ħieles – hu s-sabiħ tax-xogħol fid-dinja kreattiva.

(photo: Conor Luddy, Unsplash)