L-Isbaħ Rigal għal dan il-Milied

Din il-bloggata nkitbet mill-awtur Ġorġ Mallia


Milied Imħawwad (bl-iSvediż oriġinali En Klurig Jul), miktub minn Ingelin Angerborn u mpenġi minn Per Gustavsson, hu dwar il-Milied, u, aktar minn hekk, hu dwar il-Milied fl-iSvezja.

L-iSvediżi jħobbuh ħafna l-Milied, u jżejnu t-twieqi ta’ djarhom bi kwiekeb u xemgħat (kemm dawk imħaddma mill-elettriku, kif ukoll dawk ta’ veru) minn sewwa qabel ma jiġi, sa ma kollox jilħaq il-quċċata tiegħu fl-ikla tal-Milied f’lejlet il-Milied. Fiha jieklu l-perżuta tal-Milied u ħafna tipi differenti ta’ ħut. Ta’ spiss iħallu t-tiżjin tal-Milied hemm għal ħafna ġimgħat wara l-festa. Jidlam kmieni ħafna fix-xitwa fl-iSvezja, u għalhekk id-dwal tal-Milied jtaffu d-dalma u jhennu qlub in-nies. M’għandniex xi ngħidu, is-siġra tal-Milied jarmawha biss għal ftit jiem, għax dik tkun siġra ta’ veru, mhux bħal dawk li narmaw aħna f’Malta.

Tassew jogħġobni l-ktieb En Klurig Jul, li Marie Louise Kold u jien qlibna għall-Malti bl-isem ta’ Milied Imħawwad u kont veru kuntent meta Chris Gruppetta ta’ Merlin Publishers issuġġerixxa li nittraduċuh mill-iSvediż. L-ewwel nett, veru jogħġobni l-format… Kalendarju tal-Avvent letterarju, bi storja għal kull jum, li dejjem tintemm f’mod li jqanqal kurżità għat-taqsima li jmiss, u li jħallik fuq ix-xwiek biex tfittex taqraha kemm jista’ jkun malajr. U, bħall-kalendarju tal-avvent ta’ veru, kollox jintemm f’lejlet il-Milied. Nista’ nimmaġina kemm se jieħdu gost it-tfal Maltin (u l-ġenituri tagħhom) jekk tassew jaqraw storja kuljum fl-istess mod kif jieklu ċikkulatina kuljum mill-kalendarju tal-avvent tagħhom. Imma jiena ċert li jekk jiddeċiedu li jaqraw il-ktieb kollu f’daqqa waħda, jistgħu jagħmlu hekk ukoll! U jkolli nammetti li dan se jkun ktieb diffiċli titilqu minn idejk, għax fih storja ta’ aljen li, mill-ispazju, iżur lit-tifla żgħira Rutan, li tħoss ħafna n-nuqqas tal-aqwa ħabiba tagħha li marret toqgħod ‘il bogħod, u li jogħġobha ħafna wieħed mis-subien fil-klassi tagħha, u li wkoll hemm ieħor li jittantaha l-ħin kollu.

Il-ktieb hu attwalment tieqa żgħira li tagħti għal fuq il-modi differenti kif l-iSvediżi, u l-aktar it-tfal Svediżi, jiċċelebraw il-Milied. Naraw id-drawwiet tagħhom u ċ-ċelebrazzjonijiet tagħhom, li wħud minnhom aħna għandna wkoll, imma li l-kotra tagħhom huma uniċi għalihom, jew tal-anqas għall-pajjiżi Skandinavi tat-tramuntana tal-Ewropa.

Imma l-ktieb jagħtina wkoll storja immaġinattiva mmens dwar aljeni u ħbieb, u l-kumment li hemm taħt kollox huwa għajta għall-inklusività u kif id-differenza mhi differenti xejn jekk hemm l-imħabba u l-ħbiberija.

Ħadna gost ħafna nittraduċu dal-ktieb mill-iSvediż, u anke poġġejna sezzjoni żgħira ta’ tifsir il-kliem fl-aħħar biex nispjegaw uħud mit-termini li ma stajniex nispjegaw fil-ktieb innifsu… biex ngħinu lit-tfal Maltin jifhmu aħjar l-isfond għal din l-istorja meraviljuża, li wkoll hi mpenġija f’mod meraviljuż fi still imlewwen u forma ta’ kartuns.

U biex veru jkun kollox pinna, dan huwa wkoll ktieb stampat u llegat sabiħ ħafna… it-tip li tieħu gost iżżomm f’idejk u taqrah. Rigal delizzjuż għat-tfal Maltin kollha.

– Ġorġ Mallia