L-iżvilupp tal-ktieb …
Sadanittant kont qed nikteb ġmieli. Għall-ewwel kienu biss novelli. Stejjer standalone, iżda kollha bil-belt fantastika, pre-medjevali ta’ Terani bħala sfond … belt immexxija minn sultan għaqli u ġentili, li, iżda, kien jiddependi għal kollox fuq l-għerf tal-Viżjier tiegħu … dak li, fil-fatt, kien ix-Xwejjaħ tal-isem. U ninfi żifnu fuq l-irjus taċ-ċriev, u slaten inbidlu f’bhejjem, pitturi serqu l-qawsalli, u saħansitra r-riħ isfel spiċċa l-għadu ħani ġo waħda mill-ġrajjiet.
Ma niftakarx meta ddeċidejt li nikteb it-tieni taqsima tal-ktieb. L-ewwel taqsima hi magħmula minn dawk in-novelli li għadni kif semmejt. Fihom kont introduċejt il-karattri ewlenin – is-sultan, ix-xwejjaħ, is-saħħar apprendist, l-aljen bennej tal-muntanji, u ħafna oħrajn, li kollha kellhom l-istejjer individwali tagħhom. Issa kien wasal iż-żmien li dawk kollha jidħlu ġo framework – storja li fiha jingħaqdu flimkien u jiffurmaw speċi ta’ rumanz. Fil-fatt, it-tieni taqsima tal-ktieb hija storja waħda, maqsuma f’taqsimiet, li fiha nirrakkonta t-tiftixa tal-Viżjier xwejjaħ għal ktieb imsaħħar.
Għalkemm kien hemm mumenti mudlama fin-novelli li kont ktibt sa issa, in-natura ġenerali tagħhom kienet waħda hienja. Il-belt kienet mimlija ħajja u n-nies kienu ferħana. Imma fit-tieni taqsima ridt naqleb kollox rasu ’l isfel. Fejn kien hemm il-ferħ, issa kien hemm id-dwejjaq. Fejn kien hemm is-sigurtà, issa kien hemm il-periklu. Belt is-sħaħar, ’il fuq mis-sħab, ittieħdet mis-sħaħar ħżiena u l-art ta’ taħtha niżel fuqha dlam etern.
Il-plott ma kienx wieħed ġdid. Lanqas xejn. It-tiftixa (dik li bl-Ingliż insejħulha quest) qiegħda fil-qalba tal-ġrajjiet fantastiċi kważi kollha, imma l-avventuri u l-karattri moħluqa għal din it-tiftixa kienu għalkollox tiegħi. Il-kitba kienet bil-Malti, imma ma naħsibx li l-karattri kienu Maltin. Ma ħsibtx fuq hekk. Ridt biss nirrakkonta stejjer mimlijin fantasija, seħer u meravilji.
Il-bqija tal-ktieb inkiteb waħdu. Fil-veru sens tal-kelma. Dik is-sistema tiegħi. Ġaladarba nkun naf fejn irrid nasal, il-ġrajjiet jitfasslu bħal ħoloq ġo katina, u l-karattri jinħolqu weħidhom biex jimlew l-irwoli fl-istejjer li jkunu bħal pontijiet lejn tmiem ir-rakkont. U hekk ġara bit-tieni taqsima tal-ktieb. U t-tpenġijiet ħarġu magħhom.
Nammetti li t-tpenġijiet mhux kollha għal qalbi llum. Kont qed nesperimenta ħafna dak iż-żmien … bil-pinna, bil-pinzell, bil-lapes, bl-airbrush … minn kollox, u kollha deffisthom fil-ktieb. Għalhekk hemm nuqqas ta’ kontinwazzjoni fl-istili tal-illustrazzjonijiet … xi ħaġa li llum ngħoddha bħala dawgħa faħxija, imma li dak iż-żmien tant kont kburi biha, għax urejt il-versatilità tiegħi. Hekk ħsibtha!
Il-Malta Union of Teachers, li kienu l-pubblikaturi ta’ Sagħtar, kienu għadhom kif ħolqu taqsima tal-pubblikazzjoni, u ppubblikaw l-ewwel ktieb tagħhom, traduzzjoni ta’ Oliver Friggieri. Kienu qed ifittxu t-tieni ktieb biex jippubblikawh, u Ktieb ix-Xwejjaħ kien lest. Victor u Joe ħadu ħsieb il-loġistika. Jien għent fit-tfassil tiegħu, u inpaġnajtu. Ħareġ għall-pubbliku f’Mejju, 1987. U jien, ta’ 29 sena, kont ferħan se ntir.
Il-ktieb inqara, u maż-żmien it-tiratura (li ma nafx kemm kienet … imma nimmaġina li kienu avventurużi mhux ħażin l-MUT) spiċċat u Ktieb ix-Xwejjaħ għeb. Mhux ir-reputazzjoni tiegħu. Ħafna baqgħu jsemmuh. Ammont kienu jafu bl-importanza tiegħu bħala pijunier tal-kitba fantastika bil-Malti, imma kopji tiegħu ma kienx għad baqa’, għajr għand xi regettier, jew kultant xi kopja secondhand fil-fieri tal-kotba.