Ftit jiem ilu, Ġorġ Mallia beda jirrakkontalna – fl-ewwel parti ta’ din il-bloggata – kif nibet “Ktieb ix-Xwejjaħ” fl-imbiegħed 1987. Ħallejnieh fir-rakkont meta l-ktieb spiċċa out of print u għal ħafna snin ma kinux jinstabu kopji tiegħu. Hawn, Ġorġ Mallia se jkompli r-rakkont ta’ kif dal-ktieb wasal għat-“tieni twelida” tiegħu …
Wara ħafna snin …
Jien stess bil-ħniena kien għad baqagħli xi żewġ kopji … jiġifieri meta l-ħabib tiegħi Chris Gruppetta semmihuli xi sentejn ilu, u qalli li kien jaf bil-post tiegħu fl-istorja tal-kotba f’Malta u qalli wkoll li hu stess m’għandux kopja, qallibt kullimkien biex sibt kopja għalih.
Qrah u għoġbu. U tani l-ferħa kbira li l-Merlin Publishers xtaqu jerġgħu jippubblikawh!
Nista’ nammetti xi ħaġa magħkom? Ma rridx assolutament ninstema’ kiesaħ hawn, imma meta bgħatt kopja tal-ktieb lil Chris, erġajt qrajtu jien ukoll … u żammni! Le, mhux biss … ġiegħlni nibqa’ naqrah, donni dak mhux jien ktibtu imma kien kitbu xi ħadd ieħor u jien kont biss qarrej qed jogħdos fil-meravilji ta’ Terani. Ħafinni. Diffiċli nispjega kif ma kontx naf x’inhu ġej, u allura bqajt naqra biex nara. Iva, kont naf kif se tintemm l-istorja (ovvjament!) imma mhux id-dettalji. Mhux l-istil tal-kitba. Mhux il-ġirja sfrenata tal-immaginazzjoni li, darba waħda, mid-dehra, kelli jien.
Lil Chris għedtlu li nixtieq nirrevedih ftit. Mhux ħafna. Ovvjament naġġorna l-Malti li f’sitta u tletin sena nbidel kemm-il darba, imma wkoll inżid xi affarijiet. Xtaqt inżid dik l-istorja li kienet ippubblikata f’Lejn ix-Xefaq u għal xi raġuni ma sabitx postha fl-ewwel pubblikazzjoni. Ridt noħloq backstory għal wieħed mill-aktar karattri għal qalbi fil-ktieb, il-Kavallier, u sadanittant inżid ukoll sfond għall-ġrajja kollha kemm hi.

Imma l-akbar bidla seħħet fl-illustrazzjonijiet tal-ktieb. Kif għedt fl-ewwel parti ta’ din il-bloggata, l-istili użati fil-ktieb kienu erratiċi … jaqbżu minn stil għall-ieħor bħal mekkuk. Ridt issa li jkun hemm uniformità fl-istampi kollha fil-ktieb. U, aktar minn hekk, ġietni f’moħħi li l-illustrazzjonijiet ikunu ta’ figuri sħaħ, għax għalkemm l-istorja tal-ktieb hija importanti ħafna, naħseb li l-akbar ġawhar fi Ktieb ix-Xwejjaħ huma l-karattri li jippopulawh.
Imma kien hemm wisq “ġojjelli” ta’ stampi fil-ktieb biex nibdilhom kollha. Uħud mill-istampi oriġinali naddafthom ftit, jew fridt il-karattri, jekk kien hemm aktar minn wieħed, u ħallejthom kif kienu. Oħrajn, li kienu biss parti minn figura, żidthom, biex il-figura tkun impenġija kollha. Il-kavallier, ngħidu aħna, kien biss close-up ta’ wiċċ, u issa sar sħiħ, bil-korazza, tarka u xabla. Ix-xiħa kienet half-bust, bil-parti ta’ fuq ta’ xaharha maqtugħa. Id-dragun fil-lag tat-tempesti kien biss il-wiċċ u parti mill-għonq. Kollha saru figuri sħaħ. M’għandniex xi ngħidu, fis-snin tmenin jien kont inpenġi b’pinen u pniezel ta’ daqsijiet differenti fuq karta. Issa qed naħdem kważi għalkollox f’mod diġitali, u t-tkomplija saret jew fuq xi waħda mit-tablets CINTIQ li għandi, inkella fuq l-iPad Pro.
Imma kien hemm stampi fil-ktieb oriġinali li warrabthom għalkollox. Dawk kollha li kienu grayscale, ngħidu aħna. Issa ridt linja nadifa, bla tonar ta’ xejn, mela dawk ma kienx hemm posthom aktar. Imma anke issa, ma flaħtx ma nvarjax it-teknika li ħdimt biha. Ġieli penġejt b’pinna fuq karta, imbagħad komplejt fuq il-programm Procreate fuq l-iPad. Ġieli bnejt parti mill-istampa fuq il-Photoshop. Bażikament, kulma stajt nuża, użajtu, biex l-effett tal-aħħar ikunu uniku u, aktar minn hekk, ikun kollu kemm hu “tiegħi”.
Biex nuri lill-qarrejja meta saru t-tpenġijiet, poġġejt id-dati fl-istampi nfushom. Mela, jekk wieħed jara 79, ngħidu aħna, dik tkun stampa mhux mimsusa mill-ewwel ktieb. Jekk ikun hemm 21, mela dik stampa għal kollox ġdida. Jekk, iżda, ikun hemm 79 u 21, mela parti mill-istampa kienet fil-ktieb oriġinali, u l-bqija tfasslet ġdida.

Biex intemm …
Jiena u nikteb din il-bloggata, il-ktieb għadu ma daħalx fl-istampa. Qed nistenna l-mirakli li se jagħmlu tal-Merlin biex dan il-ktieb pijunier jerġa’ jsib postu fuq l-ixkafef tal-kotba. Qed nistenna biex ħiereġ il-bravu Pierre Portelli, li sa issa qatt ma ddiżappuntawni d-disinji tiegħu għall-kotba. Insomma, mejjet biex narah f’idejja.
U, iva … ħalluni niftaħar ftit. Dan ktieb għal qalbi ħafna. Illum, tant snin wara, nista’ nitkellem fuqu daqslikieku ma ktibtux jien … u jkolli ngħid li l-istil tal-kitba tiegħu hu wieħed mexxej għall-aħħar … li jaħfnek u jġiegħlek tkompli taqra. Ma naħsibx li qatt għedt kliem bħal dan fuq kotba tiegħi stess, imma Ktieb ix-Xwejjaħ speċjali. Kien tal-ewwel, mhux biss għalija, imma għall-ġeneru tal-fantasija f’pajjiżna.
Mejjet ukoll biex taqrawh intom u tgħiduli jekk taqblux miegħi jew le. Jekk hux se jixagħlilkom l-immaġinazzjoni u tterrqu max-Xwejjaħ fl-avventuri msaħħra tiegħu.
