Imma l-akbar bidla seħħet fl-illustrazzjonijiet tal-ktieb. Kif għedt fl-ewwel parti ta’ din il-bloggata, l-istili użati fil-ktieb kienu erratiċi … jaqbżu minn stil għall-ieħor bħal mekkuk. Ridt issa li jkun hemm uniformità fl-istampi kollha fil-ktieb. U, aktar minn hekk, ġietni f’moħħi li l-illustrazzjonijiet ikunu ta’ figuri sħaħ, għax għalkemm l-istorja tal-ktieb hija importanti ħafna, naħseb li l-akbar ġawhar fi Ktieb ix-Xwejjaħ huma l-karattri li jippopulawh.
Imma kien hemm wisq “ġojjelli” ta’ stampi fil-ktieb biex nibdilhom kollha. Uħud mill-istampi oriġinali naddafthom ftit, jew fridt il-karattri, jekk kien hemm aktar minn wieħed, u ħallejthom kif kienu. Oħrajn, li kienu biss parti minn figura, żidthom, biex il-figura tkun impenġija kollha. Il-kavallier, ngħidu aħna, kien biss close-up ta’ wiċċ, u issa sar sħiħ, bil-korazza, tarka u xabla. Ix-xiħa kienet half-bust, bil-parti ta’ fuq ta’ xaharha maqtugħa. Id-dragun fil-lag tat-tempesti kien biss il-wiċċ u parti mill-għonq. Kollha saru figuri sħaħ. M’għandniex xi ngħidu, fis-snin tmenin jien kont inpenġi b’pinen u pniezel ta’ daqsijiet differenti fuq karta. Issa qed naħdem kważi għalkollox f’mod diġitali, u t-tkomplija saret jew fuq xi waħda mit-tablets CINTIQ li għandi, inkella fuq l-iPad Pro.
Imma kien hemm stampi fil-ktieb oriġinali li warrabthom għalkollox. Dawk kollha li kienu grayscale, ngħidu aħna. Issa ridt linja nadifa, bla tonar ta’ xejn, mela dawk ma kienx hemm posthom aktar. Imma anke issa, ma flaħtx ma nvarjax it-teknika li ħdimt biha. Ġieli penġejt b’pinna fuq karta, imbagħad komplejt fuq il-programm Procreate fuq l-iPad. Ġieli bnejt parti mill-istampa fuq il-Photoshop. Bażikament, kulma stajt nuża, użajtu, biex l-effett tal-aħħar ikunu uniku u, aktar minn hekk, ikun kollu kemm hu “tiegħi”.
Biex nuri lill-qarrejja meta saru t-tpenġijiet, poġġejt id-dati fl-istampi nfushom. Mela, jekk wieħed jara 79, ngħidu aħna, dik tkun stampa mhux mimsusa mill-ewwel ktieb. Jekk ikun hemm 21, mela dik stampa għal kollox ġdida. Jekk, iżda, ikun hemm 79 u 21, mela parti mill-istampa kienet fil-ktieb oriġinali, u l-bqija tfasslet ġdida.