Kotba pprojbiti

F’dawn l-aħħar snin, fl-Istati Uniti xegħlet kontroversja tbaqbaq dwar il-projbizzjoni ta’ ċerti kotba mill-iskejjel u l-libreriji. Ir-raġunijiet wara r-restrizzjonijiet ivarjaw, imma normalment iduru madwar temi kontroversjali fosthom kwistjonijiet ta’ razza, ġeneru u narrattiva storika; lingwaġġ offensiv; u ideoloġiji politiċi jew reliġjużi.

Il-prattika tal-book banning, li ġġorr magħha eki mill-passat u fl-istess waqt tpinġi mappa tal-ansjetajiet kulturali preżenti, qed tqanqal dibattiti intensi dwar il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-ħsieb, u l-konsegwenzi tal-limitazzjonijiet fuq l-aċċess għall-informazzjoni.

Waqt li barra minn xtutna għaddejja din il-prattika li kultant donnha tilħaq livelli distopjani, ħsibna li nagħtu ħarsa ħafifa lejn dawn ix-xejriet mill-perspettiva lokali.

Cartoon © Tom Gauld

Il-kotba li jidħlu (jew ma jidħlux) fil-libreriji Maltin

F’pajjiżna l-materjal li jidħol fil-libreriji tal-iskejjel hu ggwidat minn manwal maħruġ fl-2012 mill-iSchools Library Service fi ħdan id-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi. Skont dan il-manwal, l-għażla tal-kotba li jidħlu f’librerija taqa’ f’idejn l-għalliema-librara, u għal dan il-għan iridu jimxu ma’ Stock Selection Policy inkluża fl-istess manwal. Madankollu, l-għalliema-librara jistgħu jintalbu biex ineħħu ċerti kotba mill-ixkafef, u hemm formola apposta u proċedura li permezz tagħha l-ġenituri jew persuni oħra jistgħu jisfidaw l-għażliet tal-librara u jitolbu li kotba partikolari jitneħħew.

Fost il-linji gwida li mitlubin jimxu magħhom il-librara hemm dawn:

  • Kull materjal li jintgħażel għal librerija ta’ skola jeħtieġ ikun “age-appropriate”, “sex (gender)-appropriate” u “subject-appropriate”.
  • Fil-każ ta’ kotba fittizji, wieħed irid joqgħod attent b’mod partikolari għal kotba miktubin għall-adulti. Filwaqt li ċerti rumanzi għall-kbar jistgħu jkunu addattati, oħrajn ma jkunux, u din id-distinzjoni trid tiġi indirizzata fl-istadju tal-għażla sabiex, kemm jista’ jkun, tiġi evitata d-diżapprovazzjoni tal-ġenituri aktar ’il quddiem.
  • Politika ideali tal-għażla (tal-kotba) jirnexxilha tilħaq bilanċ delikat bejn il-prinċipji demokratiċi dwar il-libertà tal-qari, il-qafas legali tal-liġijiet dwar il-minorenni, u t-tneħħija ta’ materjal li jkun potenzjalment ta’ ħsara.

Għalkemm minn banda l-manwal iħeġġeġ lil-librara biex fl-għażla tagħhom jieħdu inkonsiderazzjoni, fost l-oħrajn, il-bżonnijiet individwali tal-istudenti tagħhom, xi mkien ieħor – f ’vena pjuttost paternalistika – il-manwal jirrimarka li llum il-ġurnata hawn biżżejjed awturi biex jissodisfaw il-faxex tal-etajiet kollha, u li anke l-iktar studenti avvanzati għandhom isibu biżżejjed x’jaqraw bla ma hemm għalfejn jersqu lejn il-kotba tal-adulti. Il-manwal iwissi lil-librara biex joqogħdu attenti minn awturi (bħal Roald Dahl) li jiktbu kemm għat-tfal u kemm għall-kbar, u għaldaqstant mhux il-kotba kollha tagħhom ikunu addattati għal fuq l-ixkafef tal-libreriji skolastiċi.

Forsi wieħed mill-ġeneri l-iktar li jispiċċaw fil-mira tar-restrizzjonijiet fl-iskejjel Maltin huwa tal-kotba YA (young adults), b’mod speċjali fl-iskejjel medji, fejn il-librara jistgħu jdaħħlu kotba kklassifikati bħala “Junior” imma mhux dawk “Intermediate”. Din il-klassifikazzjoni tkompli torbot idejn il-librara fl-iskejjel tagħna li, minkejja li suppost l-għażla tal-kotba taqa’ f’idejhom, fir-realtà l-awtonomija tagħhom qed tiġi mnaqqra minn diversi bnadi u d-diskrezzjoni tagħhom trid tbaxxi rasha għal dak li jidhirlu ħaddieħor. Mhux book banning bil-pulit dan?

Cartoon © Tom Gauld

Eżattament, minn xiex inkunu qed nipproteġu lit-tfal tagħna meta nipprojbixxu l-kotba?

Jista’ jkun li, bħal allat żgħar li nafu li l-ġenna fl-art mhix għajr illużjoni u li iktar ma ssir taf xorti iktar tħossok vulnerabbli, istintivament nixtiequ, imqar għal ftit, nipproteġu lil uliedna mir-realtajiet koroh tal-ħajja adulta. Peress li t-tfal jiżviluppaw b’rati differenti, forsi nistgħu nifhmu li l-ġenituri ta’ tfal ta’ 12-il sena ma jridux li wliedhom ikollhom aċċess liberu għal kotba intenzjonati għal 18+.

Il-problema hi meta “age-appropriateness” tintuża bħala skuża biex jiġu sfidati kotba għar-raġuni li juru realtà differenti mill-viżjoni idillika ta’ ħajja sabiħa u ħielsa minn kull vjolenza, diskriminazzjoni, abbuż, mewt, u karattri li mhumiex bojod, Kattoliċi, straight u cisgender. Hija problema meta, bl-iskuża ta’ “kontenut mhux addattat għall-età” nkunu qed ninfurzaw id-duttrina tagħna fuq it-tfal u nġegħluhom jilagħbu noli mar-realtà biex inħalluhom “igawdu t-tfulija innoċenti” – speċjalment meta b’wiċċna l-ieħor lil uliedna ma niddejqu xejn nirvinawlhom tfulithom mod ieħor, ngħidu aħna fil-ġirja tagħna biex naduraw il-flus, neqirdu l-ambjent naturali, u nisparixxu l-ħdura ħlief dik li nobżqu lejn ħaddieħor.

Eżattament, minn xiex għandna bżonn nipproteġuhom lit-tfal tagħna?

Le għall-projbizzjoni tal-kotba

Il-kontroversja tal-book banning fl-Amerika tfakkarna fl-importanza tal-valuri tal-libertà tal-espressjoni u d-djalogu miftuħ. Aħna nemmnu bis-sħiħ li l-kotba jagħmluna nies (aħjar), u li l-istudenti għandu jkollhom aċċess għal firxa wiesgħa ta’ perspettivi. Nemmnu li l-għalliema u l-librara għandhom il-ħila professjonali u kapaċi jagħrfu x’kotba għandhom jaqsmu mal-qarrejja żgħażagħ. U fuq kollox nemmnu fil-qarrejja u niddefendu d-dritt tagħhom li jaqraw.

Ħarsa lejn l-ixkaffa Merlin turina diversi titli li xi darba jew oħra smajna li f’ċerti skejjel ma ntlaqgħux b’idejn miftuħa, jew li kieku bil-kriterji tal-Istati Uniti, hemm ċans tajjeb li jiġu pprojbiti. Se naħtfu din l-okkażjoni biex inperrċuhom ftit.

  • Mamà, allura din imħabba? ta’ Moira Scicluna Zahra u Mark Scicluna li jesplora familji differenti, mhux aċċettat f’ċerti skejjel;
  • Kamilla tixtieq familja ġdida ta’ Yann Walcker maqlub għall-Malti minn Clare Azzopardi, li għandu l-istess tema u bl-istess kriterji potenzjalment jiġi mwarrab;
  • Riħ Isfel ta’ Pierre Mejlak, Frejp ta’ Clare Azzopardi u (Ri)ġenerazzjoni ta’ Antoinette Borg għax fihom xi kliem “mhux xieraq”;
  • Sqaq l-Infern ta’ Simon Bartolo u Loranne Vella, li snin ilu meta ħareġ sab xi ftit tar-reżistenza għar-raġuni li fih “infern” fit-titlu – fortunatament każijiet bħal dawn m’għadhomx jinqalgħu llum il-ġurnata;
  • Magna Mater ta’ Loranne Vella li fih xena ta’ abbuż;
  • Aqla’ kjass! maqlub għall-Malti minn Clare Azzopardi, li jesplora temi jaħarqu ħafna, fosthom il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, b’mod apert u bla kantunieri – xi librara fl-iskejjel iżommuh “taħt il-bank” u jgħadduh biss lil studenti b’ċertu livell ta’ maturità jew fuq rakkomandazzjoni tal-guidance teachers.

Ritratt tal-paġna ta’ Freddy Kearney fuq Unsplash

Antoinette Borg

Ritratt ta’ Freddy Kearney fuq Unsplash