Clare Azzopardi
Kull ktieb fis-sensiela .mt huwa mimli stejjer ta’ ġeneri differenti. Uħud minnhom huma deskrittivi, uħud minnhom narrattivi, uħud ftit twal, oħrajn qosra. Uħud mhumiex stejjer imma rapporti jew inkella reklami, aħbarijiet jew inkella ittri.
Hemm ukoll il-kitba argumentattiva u espożitorja, il-kitba narrattiva u deskrittiva, l-ittra formali u informali u l-analiżi letterarja. Kollha miktubin minn awturi differenti, fosthom Trevor Żahra, Immanuel Mifsud, Simon Bartolo, Loranne Vella, Rita Saliba, Lisa Falzon, Adrian Grima, John A. Bonello, Mark Camilleri, Ivan Bugeja, Angele Deguara, Kurt Sansone u Pierre J. Mejlak. Hemm xi ftit (bħal, ngħidu aħna, siltiet minn Lewis Carroll jew Charles Dickens) li huma maqluba għall-Malti. Ma’ kull storja hemm abbinat sett ta’ mistoqsijiet jew attivitajiet interessanti li jgħinu lil min ikun qed jaqra jifhem iktar u jagħti kas iktar dak li qed jaqra.
Kull ktieb fih għadd ta’ taqsimiet u kull taqsima tindirizza l-erba’ ħiliet bażiċi tal-lingwa: il-qari, il-kitba, it-taħdit u s-smigħ. Imma mhux biss. Kull taqsima tindirizza tema kulturali (bħal: il-mod kif ngħixu u niddevertu, xi personaġġi Maltin, id-drawwiet sajfin, l-għana u l-mużika, u ħafna oħrajn), xi punti ortografiċi, grammatikali u oħrajn li għandhom x’jaqsmu mal-punteġġjatura.
Il-kotba fis-sensiela .mt jistgħu jgħinu biex jinbena portfoljo tal-Malti għall-istudenti f’kull sena tas-sekondarja.
Aqra wkoll: