Kif it-tfal jitgħallmu jikkonċentraw
On April 28, 2018

Claudine Slater


Qatt kellek xi biċċa xogħol importanti u sibt ruħek ma tistax tikkonċentra fuqha? Forsi smajt ħoss,  għaddielek ħsieb, ftakart f’xi ħaġa oħra? Ġieli tiġi ġurnata fejn tipprova kemm tipprova, ssib ruħek ma tistax tieqaf toqmos fuq dak is-siġġu? Jew tkun qed tiekol, imma tkun qisek fuq autopilot, l-ikel jibda’ nieżel u qas ikollok ideja x’togħma għandu. 

Hemm prattika, imsejħa Mindfulness, li tgħinek tiffoka l-attenzjoni tiegħek fuq dak li tkun qed tagħmel. Dil-prattika hi popolari ħafna barra minn Malta, u qed issir popolari hawn ukoll. Il-Mindfulness tgħinek biex int tieħu ħsieb dak li jkun għaddej dak il-ħin, tgħix il-ħajja mument b’mument. Hi prattika fejn wieħed  jidra juża l-meditazzjoni kif ukoll attitudnijiet importanti bħal : Paċenzja, Kurżita’ u Fiduċja. 

Studji li saru f’Universitajiet Amerikani (Harvard, Michigan, UCLA fost oħrajn) sabu li dawk li jipprattikaw il-Mindfulness jiffaċċjaw il-ħajja b’anqas stress, tant li l-effetti jkunu mhux biss fil-moħħ iżda anke fil-ġisem. Il-prattika hi użata ħafna fil-kliniċi u sptarijiet. Dawn l-aħħar ftit snin,  ġiet introdotta ukoll fl-iskejjel u kellha suċċess kbir mat-tfal kollha, speċjalment dawk li għandhom problemi t’attenzjoni, rabja jew stima baxxa tagħhom infushom.

Anke jekk it-tfal ma jkollhomx dawn il-problemi, ta’ tfal li huma, isibuha diffiċli biex jikkonċentraw, speċjalment f’dinja frenetika, mimlija daqs bajda b’appuntamenti, storbju, teknoloġija li qed isiru dipendenti fuqha, u problemi tal-ħajja li aktar qed jiżdiedu milli jonqsu. Biex ma nsemmux l-istress enormi li qed ikollhom fuqhom minħabba l-istudju. Il-prattika tal-Mindfulness tħarriġhom  biex iżidu l-konċentrazzjoni u jiffukaw fuq dak li hu importanti f’dak il-mument. B’hekk isiru aktar kuntenti u anqas nervużi.

Bil-Mindfulness, it- tfal jiġu mgħallma jikkonċentraw fuq dak kollu li qed isir ġo fihom u madwarhom. Jużaw is-sensi kollha tagħhom biex japrezzaw dak kollu li jagħmel id-dinja tagħhom. Jitgħallmu ukoll jagħrfu dak li jogħġobhom, u kemm jogħġobhom. Isiru aktar assertivi u jiffurmaw il-personalita’ u l-karattru tagħhom skont dak li jaħsbu b’moħħhom huma stess. Isiru aktar konxji tad-dinja ta’ madwarhom kif ukoll jiffurmaw relazzjonijiet aħjar ma’ sħabhom u l-adulti li jiltaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum.

Il-Merlin Publishers ippublikaw żewġ kotba li jisimhom Nitgħallem Nikkonċentra. Il-kotba fihom serje ta’ eżerċizzji li jgħallmu l-konċentrazzjoni lit-tfal. L-eżerċizzji, li qishom logħob għat-tfal, huma meħjutin flimkien f’żewġ stejjer ħelwin. Fil-kotba, l-adulti jsibu wkoll spjega ta’ dak li qed isir u għala qed isir.


Aqra wkoll:

Leave a reply