“Jintrigawni l-ispazji vojta bejn il-fili ta’ dak li hu reali u dak li mhux”
On September 24, 2021

Issa li ħareġ Il-Parabboli tal-Imġienen, ħsibna li nagħtu l-mikrofonu lil Keith Borg għax aħna kurjużi dwar il-minn fejn, l-għaliex u l-kif ta’ dawn l-istejjer li saħħruna. Hawn hi l-bloggata ta’ Keith:

L-istramberiji, dak li hu differenti, dak li hu surreali, l-oskur aktar milli l-bjuda: dawn huma kollha temi li dejjem affaxinawni. Moħħi dejjem jimtela b’mistoqsijiet li jwasslu għal ftit tweġibiet u ħafna aktar mistoqsijiet.

Dawn l-istejjer qosra ilhom jinħmew is-snin għalkemm inkitbu fi żmien pjuttost qasir. “Il-kittieb” u “Logħba ċess” ilhom miktuba xi għaxar snin. Stejjer li biċċiet minnhom żviluppaw minn frammenti ta’ ħolm vividu (“Ħolma” u “Storja ta’ mħabba”), oħrajn (“L-attur famuż”) minn stejjer għal qalbi bħal The Pit and the Pendulum ta’ Edgar Allan Poe, oħrajn minn avvenimenti reali li qed jiġru madwarna (“Repubblika”). Jista’ jkun li żżerżqet ħelu ħelu xi ftit awtobijografija. L-idea għal “Inkontru” żviluppat waqt break tax-xogħol ġewwa l-Ingilterra waqt li kont qed naqra Fictions ta’ Jorge Luis Borges. “Borża” nkitbet waqt li kont kwarantina ġewwa ċ-Ċina. Id-diskussjonijiet twal ma’ nies qrib tiegħi (Michelle, John Paul, Clare u Leanne) waqt il-proċess tal-editjar ma naqasx.

Dawn l-istejjer ġennewni għaliex qatt ma nkun ċert minn x’inhu reali u x’inhu fantastiku. Din il-linja fina dejjem tintrigani: l-ispazji vojta bejn il-fili ta’ dak li hu reali u dak li mhux. Meta konna żgħar l-għalliema kienu jgħidulna biex noqogħdu ħafna attenti biex meta npinġu ma noħorġux ʼil barra mil-linji. Imma dan hu s-sabiħ ta’ ribelljoni mqarba: il-ħelsien ta’ li toftoq dawn il-linji u ma tafx x’se ssib jew fejn se tmur, dak li mhux prevedibbli.

Il-kitba, kemm fil-poeżija u kemm f’dawn l-istejjer qosra, ittini l-ispazju biex nitkellem, biex nesperimenta bil-kliem. Xi ħaġa li fil-ħajja personali ma nagħmilx wisq. Għal min jafni, jaf li ma tantx ngħid ħafna. Kemm-il darba “nqbadt” niċċassa lejn xi ħaġa jew xi ħadd! Kien vjaġġ fejn l-ilħna differenti ta’ karattri varji mlewli moħħi u ma ħallewnix kwiet sakemm qalu li kellhom jgħidu. Hi esperjenza stramba imma sabiħa li dawn l-istejjer qosra fl-aħħar waslu biex jinħelsu minn taħt idejja biex jintelqu f’riġlejn il-qarrej.

Keith Borg huwa l-awtur ta’ Il-Parabboli tal-Imġienen, l-ewwel xogħol tiegħu mal-Merlin. Il-ktieb jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba kollha jew anki online – b’pustaġġ lokali b’xejn – minn hawn. Fl-istess ħolqa tista’ wkoll taqra waħda mill-istejjer, “L-attur famuż”, taħt it-tab “Excerpt”.

Ir-ritratt tal-paġna hu dettall mill-iskultura ġ-b-l ta’ Pierre Portelli